Waqt konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li minn Jannar sal-lum, l-uffiċjali tal-komunità taw 1,872 taħrika ambjentali filwaqt li d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni ġabret mad-9,000 tunnellata ta’ skart mormi b’mod illegali.
Fil-perjodu tas-sajf, mill-1 ta’ Lulju sal-lum, ingħataw 918 taħrika ambjentali. Dawn it-taħrikiet ivarjaw minn rimi ta’ skart b’mod illegali, rimi ta’ sigaretti f’postijiet pubbliċi, ħruġ ta’ boroż ta’ skart domestiku fi ġranet mhux proprji u wkoll qadi ta’ bżonnijiet sanitarji fil-pubbliku. L-iktar lokalitajiet li fihom ngħataw taħrikiet f’dan il-perjodu huma l-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Qawra u x-Xemxija li fihom ngħataw 482 taħrika ambjentali, tas-Sliema li fiha ngħataw 112-il taħrika ambjentali u l-Belt Valletta li fiha ngħataw 88 taħrika ambjentali. Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni f’dawn il-ġranet irnexxielha tiġbor iktar minn 3,000 tunnellata ta’ skart mormi b’mod illegali.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici rringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti f’dan ix-xogħol biex jinkiseb dan ir-riżultat. “Grazzi għal din il-kollaborazzjoni bejn il-LESA u d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, mhux biss qegħdin insaħħu aktar l-infurzar fuq l-iskart mormi b’mod illegali, imma qegħdin ukoll noħolqu aktar għarfien fil-komunità biex nindirizzaw dawn l-isfidi, għall-benefiċċju tas-soċjetà tagħna. Permezz ta’ dan ix-xogħol kollu mill-entitajiet, qegħdin nibbenefikaw minn lokalitajiet aktar nodfa u siguri”, kompla jgħid il-Ministru Bonnici.
Huwa kkonkluda billi faħħar il-kisbiet li saru u qal li dan il-Gvern huwa kommess sabiex ikompli jtejjeb il-livell ta’ għajxien għall-komunitajiet tagħna.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li f’dawn l-aħħar sena u ftit xhur saru bidliet drastiċi fi ħdan l-Aġenzija LESA. L-għan ewlieni ta’ dawn il-bidliet huwa li jwasslu għal aktar serjetà fl-infurzar. Fil-fatt, issa l-infurzar lokali m’għadux biss limitat għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku iżda qed jimraħ ukoll f’oqsma importanti oħra bħal dawk ambjentali. Illum fil-fatt qed naraw biċ-ċar l-impenn li għandhom l-uffiċjali tal-komunità li qegħdin jaħdmu id f’id mad-Dipartiment tat-Tindif u l-Manutenzjoni kif ukoll mal-kunsilli lokali sabiex ikollna pajjiż dejjem aktar nadif.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis għalaq billi tenna li l-għan ewlieni ta’ din il-konferenza tal-aħbarijiet huwa li tinħoloq aktar kuxjenza dwar iż-żamma tal-indafa f’pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista spjega kif qegħdin isiru l-isforzi kollha sabiex pajjiżna jkun iktar nadif u isbaħ. Dan qiegħed isir permezz ta’ servizzi estensivi ta’ tindif, manutenzjoni, infurzar u sorveljanza. Id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni investiet f’diversi makkinarju u f’riżorsi umani li jaħdmu filgħodu u filgħaxija sebat ijiem fil-gimgħa. Dan biex is-servizz ikun jista’ jlaħħaq mad-domanda.
Debattista kkonkluda billi appella għall-bżonn ta’ iktar kooperazzjoni mill-pubbliku biex josserva r-regolamenti u l-liġijiet attwali sabiex ilkoll ingawdu lil pajjiżna fl-aħjar stat possibli.
Comments