top of page

11-il wirt storiku fil-komunità se jiġu restawrati permezz ta’ skema għall-kunsilli lokali



 

11-il wirt storiku, li jvarjaw minn statwi, niċeċ, monumenti, kappelli u strutturi storiċi u li jinsabu f’diversi lokalitajiet, ser ikunu qed jibbenefikaw minn restawr permezz ta’ skema għall-kunsilli lokali.

 

Din l-iskema inħarġet mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali b’konsultazzjoni mad-Direttorat għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Politika fi ħdan id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali. Din hija t-tmien darba mill-2015 li nħarġet l-iskema u bbenefikaw minnha 41 lokalità b’54 proġett.

 

Dan flimkien mad-dettalji tal-lokalitajiet li se jibbenefikaw u l-proġetti li se jitwettqu tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.

 

Il-Ministru Owen Bonnici qal li din l-iskema għandha l-għan li tivvalorizza l-wirt storiku li jinsab fil-komunitajiet tagħna u li tant hu għal qalb il-familji li joqgħodu fil-lokalitajiet rispettivi.

 

“Dan il-Gvern impenjat li jkompli jwettaq inizjattivi li jħarsu l-preservazzjoni, ir-restawr u r-riabilitazzjoni ta’ fortifikazzjoni u postijiet storiċi fuq bażi regolari minn diversi entitajiet fi ħdan il-Ministeru,” spjega l-Ministru Owen Bonnici.

 

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari  Alison Zerafa Civelli qalet li l-preservazzjoni tal-wirt kulturali hija prijorità kemm għall-Gvern kif ukoll għall-kunsilli lokali li għandhom irwol importanti f’dan ir-rigward. Hija faħħret lill-kunsilli lokali li ressqu ’l quddiem siti storiċi sabiex jiġu kkunsidrati għall-preservazzjoni jew restawr.

 

“Dawn l-inizjattivi ta’ preservazzjoni fuq siti storiċi fil-qalba tal-lokalitajiet mhux biss ikunu qegħdin jippreservaw il-wirt kulturali għall-ġenerazzjonijiet futuri, iżda jżidu wkoll il-kompetittività tal-gżejjer Maltin fil-qasam turistiku,” stqarret is-segretarju parlamentari.

 

Il-Kunsilli Lokali li ser jibbenefikaw minn din l-iskema huma: Ir-Rabat (Malta), iż-Żejtun, is-Swieqi, Ħal Qormi, il-Mellieħa, il-Qrendi, Ħal Balzan, Ħal Tarxien, Birkirkara, il-Ħamrun u l-Imqabba.  

 

Il-proġetti li se jgawdu minn restawr huma: Our Lady of Victory Chapel (Bell Tower) - Birkirkara; Stone Cross - Ħal Balzan; Manikata Parish Church (Sculptural Feature) - Manikata, il-Mellieħa;  Military Wall - Madliena, Swieqi; Għajn tal-Ilma wara niċċa ta’ San Pawl - ir-Rabat; il-faċċata ta’ Ġnien tal-Kmand -  il-Qrendi; żewġ niċeċ - l-Imqabba; il-faċċata taċ-Ċimiterju tal-Erwieħ – Ħal Tarxien; Zuntier tal-Knisja Kolleġġjata San Ġorġ – Qormi; il-faċċata ta’ Palazzo Balcas – Ħamrun; u l-Kappella ta’ Santa Marija tal-Ħlas – iż-Żejtun.

 

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti rappreżentanti mid-Direttorat tar-Restawr u mid-Direttorat għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Politika, kif ukoll is-sindki tal-11-il kunsill lokali.

 



 




Comments


bottom of page