top of page

15% inqas kawżi ċivili pendenti



Hekk kif jgħaddu l-ewwel tliet xhur tas-sena, tibda toħroġ l-istatistika ta' dik li tissejjaħ l-ewwel kwart tas-sena f'diversi setturi. Ħafna drabi, l-ewwel kwart tas-sena jiġi mniżżel bħala Q1 u allura naqraw ħafna drabi dwar il-Q1 tas-sena 2017 mqabbel mal-Q1 tas-sena 2016 jew 2015. Dan it-tqabbil jgħin biex wieħed jara jekk f'settur partikolari jkunx qed jimxi 'l quddiem jew lura. Għadu kemm ġie ppubblikat il-Q1 tal-Qrati Ċivili fejn għal darb'oħra ġie reġistrat suċċess importanti. Il-Clearance Rate, jiġifieri kemm jinqatgħu kawżi komparati ma' kemm jidħlu, għadha f'livelli pożittivi ħafna: 118%. Dan ifisser li għal kull mitt kawża li jidħlu qed jinqatgħu mija u tmintax. Qabbilt ftit mal-Q1 tal-aħħar sena sħiħa ta' Gvern preċedenti. Id-differenza hija enormi. Biżżejjed tara li meta wieħed jikkompara l-ammont ta' kawżi ċivili pendenti fil-Q1 tal-2012 mal-ammont ta' kawżi ċivili pendenti fil-Q1 tal-2017 issib li kien hemm tnaqqis ta' 15 fil-mija. Dawn ir-riżultati ma jaqgħux mis-sema imma huma frott ħafna xogħol. Nirringrazzja lill-Ġudikanti kollha, l-Amministrazzjoni tal-Qorti u l-istakeholders kollha ta' dan ir-riżultat miksub.

Sfidi Ma jfissirx li fil-kamp tal-Ġustizzja Ċivili, li tolqot direttament l-ekonomija tal-pajjiż u allura l-kreditu u l-ħolqien tal-impiegi, m'għadx fadal sfidi. Jien għalija dawn l-isfidi naqsamhom fi tlieta: 1) Għad fadal każijiet iżolati ta' awli li minkejja li jagħtu data li fiha se tingħata s-sentenza, dik is-sentenza tiġi diferita. L-ammont ta' każijiet bħal dawn naqas drastikament, però sfortunatament għad hemm każijiet iżolati ta' awli. Imxejna ħafna u hemm awli li, meta mogħtija l-assistenza tal-Court Attorney, trasformaw irwieħhom kompletament. Konvint li jekk nibqgħu sejrin kif aħna sejrin, inkomplu naraw titjib kbir. 2) il-Qorti tal-Appell Superjuri, li tisma' l-Appelli minn deċiżjonijiet tal-Imħallfin fil-kamp ċivili u li bħala regola hi dejjem preseduta mill-Prim Imħallef, teħtieġ bidla fil-mod kif topera. Is-sistema hi kif ġej: hemm lista ta' appelli li huma urġenti min-natura tagħhom u jaqbżu l-kju. Hemm imbagħad lista ta' appelli li mhumiex meqjusa urġenti. Bejn wieħed u ieħor l-ammont ta' appelli urġenti u appelli mhux urġenti huma l-istess. S'intendi peress li isfel qed jinqatgħu iktar kawżi, hu ovvju li x-xogħol fl-appell jiżdied ħafna. L-appelli urġenti jinstemgħu malajr u jinqatgħu malajr bla problemi. Biss dawk mhux urġenti mhux qed jiġu appuntati fi żmien xieraq u jeħtieġ li din is-sitwazzjoni tissewwa. F'dawn il-jiem ressaqt emendi, bi qbil mal-Oppożizzjoni, biex ċertu appelli li jagħżilhom ir-Rule Making Board jinstemgħu minn sede oħra tal-Qorti tal-Appell li tkun preseduta minn Imħallef ieħor li jagħżlu l-Prim Imħallef. B'hekk se nkunu qed intejbu s-sitwazzjoni preżenti. 3) Għadha sfida mhux żgħira li speċjalment fil-kawżi meqjusa żgħar fil-kamp ċivili, il-proċeduri ma jkunux solenni daqs kemm ikunu fil-kawżi meqjusa bħala kbar. Barra minn Malta żviluppaw sistemi tal-ex tempore judgments fejn sentenza tkun konċiża u qasira bħalma tkun, wara kollox, fil-kawżi kriminali tad-distrett. Nappella liċ-Chairpersons tat-Tribunali għal Talbiet Żgħar u lill-Qrati tal-Maġistrati fil-Kamp Ċivili li jkunu miftuħin għal dawn il-bidliet.

Soluzzjoni għal iktar trasparenza Minkejja l-kritika li jista' jkun hemm minn żmien għal żmien, uħud minnha ġustifikata u wħud minnha le, dwar il-qasam tal-Ġustizzja jeżisti sentiment nazzjonali li fejn jidħlu deċiżjonijiet kważi-ġudizzjarji, it-triq 'il quddiem hi li dawn jinqatgħu minn taħt idejn il-politiku u jmorru f'idejn il-Qrati.

Dan ġara f'patafjun liġijiet u hekk se jkompli jiġri fil-qasam tal-Awtorità tal-Artijiet, pereżempju. Dan juri kif hemm sentiment ta' fiduċja fil-qafas tas-sistema ġudizzjarja u din hi ħaġa pożittiva li rridu nkomplu nibnu fuqha. Il-ġustizzja kriminali Bl-istess mod li rridu nsellmu l-avvanzi li seħħew fil-qasam tal-Ġustizzja Ċivili hekk ukoll irridu nagħmlu fis-settur tal-Ġustizzja Kriminali. Saru avvanzi kbar b'liġijiet ġodda u moderni: insemmi xi wħud. Il-liġi tad-disclosure, il-liġi dwar l-avukat waqt l-arrest, il-liġi dwar appelli mid-deċiżjoni tal-AG f'kawżi tad-droga, il-liġi li tat ċans ieħor lil min inqabad fil-vizzju tad-droga, il-liġi kontra s-cyberbullying, il-liġi kontra l-istalking, il-liġi kontra hate speech abbażi ta' reliġjon u l-liġi kontra r-revenge porn. Anke fejn jidħol dewmien, il-Qrati komplew għaddejjin b'ritmu tajjeb fejn komplew ilaħħqu max-xogħol u overall jaqtgħu iktar kawżi milli jidħlu. Nemmen li wara li tajna assistenza permezz ta' Court Attorney lill-Imħallfin taċ-Ċivil issa din is-sistema għandha tiġi estiża bil-galbu għall-Imħallfin tal-Kriminal. Nemmen ukoll li l-bidla li qed nimbuttaw li ndaħħlu fejn il-Prosekuzzjonijiet jitmexxew minn avukati fi ħdan l-AG se tagħmel ġid kbir u tħaffef id-dewmien li jinqala' bis-sistema antika li għandna tal-kumpilazzjonijiet. Anke s-sistema ġdida tal-Informatika qed tgħin biex nies ma jittellgħux il-Qorti għalxejn u fl-istess ħin, ir-roll out għaddej b'ritmu tajjeb u konvint li se nkomplu naraw ir-riżultati. Fi kliem ieħor, ir-riforma għaddejja ġmielha bla nifs!

Commentaires


bottom of page