B’investiment ta’ €1.9 miljun tnieda l-proġett li se jara l-ħolqien ta’ rehearsal u performance spaces tal-aqwa livell għall-artisti u dilettanti tal-mużika rock.
Il-proġett, imniedi mill-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici se jkun jismu Rock Hub u se jara t-trasformazzjoni ta’ binja ezistenti f’Ħal Luqa proprjetà tal-Kunsill Malti għall-Arti f’post fejn il-mużiċisti u d-dilettanti tal-mużika rock ikunu jistgħu jtejbu t-talent tagħhom u jieħdu dan is-settur ‘il quddiem. Huwa mistenni li dan il-proġett jitlesta fi żmien 30 xahar.
Ir-Rock Hub twieled wara konsultazzjoni wiesgħa li saret ma’ diversi artisti u dilettanti tal-mużika rock mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Il-Ministru Bonnici qal li parti sostanzjali tal-fondi għal dan il-proġett diġà ġew allokati lill-Kunsill Malti għall-Arti fil-Budget għas-sena kurrenti u dan jixhed l-ippjanar bil-għaqal li sar biex din il-ħolma għal ħafna artisti ssir realtà.
Huwa u jindirizza konferenza stampa, il-Ministru Bonnici saħaq li dan il-proġett se jwassal għal titjib fis-settur tal-mużika rock u se jimla’ vojt ieħor fejn jidħlu faċilitajiet għad-dispożizzjoni tal-mużiċisti.
Huwa qal li b’dan il-proġett ma jfissirx li l-konverżazzjoni mal-produtturi, artisti u dilettanti tal-mużika rock se tieqaf u wiegħed li se jikber l-impenn biex jibqgħu jiġu indirizzati aktar sfidi f’dan is-settur.
Comments