Għall-ewwel darba fi sbatax-il sena, Malta ingħatat spazju fil-Frieze Magazine; rivista rinomata li tagħti spazju għal proġetti kreattivi fis-settur artistiku. F’din ir-rivista ingħatat importanza lill-eżebizzjoni Maltija fil-Biennale ta’ Venezja, liema avveniment se jseħħ bejn it-13 ta’ Mejju u s-26 ta’ Novembru.
L-eżebizzjoni ġġib l-isem Homo Melitensis: An incomplete inventory in 19 chapters. Żewġ kuraturi tal-arti, Dr Raphael Vella mill-Fakultà tal-Edukazzjoni u l-film maker Ġermaniża Bettina Hutschek, ikkollaboraw biex ħolqu kumpilazzjoni poetika tal-affarijiet uniċi li jagħmlu l-identità Maltija dik li hi.
Il-Malta Pavillion huwa kkummissjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti bil-kollaborazzjoni tal-MUŻA u Heritage Malta, taħt l-awspiċi tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Il-Minsitru Owen Bonnici esprima sodisfazzjon li mhux biss it-talent Malti qed jiltaqa’ ma’ dak barrani biex jilħaq il-massimu tal-potenzjal tiegħu, imma grazzi għall-ħidma bla waqfien ta’ nies dedikati fi ħdan il-Ministeru, l-identità Maltija qed tingħata rikonoxximent anke f’pubblikazzjonijiet barranin.
Comments