top of page

Tkabbir ta’ €4 miljun fil-vot għall-kunsilli lokali fl-aħħar sena



Fl-aħħar snin il-Gvern impenja ruħu li jsaħħaħ u li jaħdem mill-qrib mal-kunsilli lokali u mar-reġjuni, tant li fl-aħħar sena l-vot għall-kunsilli lokali żdied b’€4 miljun, qal il-Ministru Owen Bonnici fil-ftuħ tal-Laqgħa Ġenerali Annwali tar-Reġjun Ċentru. Il-ħidma fuq bażi lokali tal-Gvern ssarrfet ukoll fit-titjib ta’ strutturi kruċjali, bħall-infurzar lokali, li minnhom gawdew iċ-ċittadini u l-kunsilli lokali. “Bir-riforma li wettaqna u l-ħidma għaqlija li saret fl-infurzar lokali, ftit tal-ġimgħat ilu permezz tal-aġenzija LESA, il-Gvern investa €1 miljun lura fil-komunitajiet, liema flus ġew minn ċitazzjonijiet li nħarġu fl-infurzar lokali wara li tħallsu l-ispejjeż kollha relatati”, spjega l-Ministru Bonnici. Dawn il-flejjes se jmorru għat-titjib tat-toroq u għal programmi kulturali fil-komunitajiet bil-ħidma tal-Kunsill Malti għall-Arti u tal-Kumitati Reġjonali. Barra minn hekk, €100,000 għaddew lil Teatru Malta - entità li hi ta’ benefiċċju dirett għall-komunitajiet tagħna peress li nħolqot apposta biex twassal u tippromwovi xogħlijiet teatrali fil-komunitajiet. It-tisħiħ tal-kunsilli lokali se jkompli fis-snin li ġejjin b’impenn mill-Gvern li wara l-elezzjoni jieħu f’idejh it-tiswija tat-toroq li fuq pjan ta’ 7 snin u b’investiment ta’ €700 miljun se jiġu magħmula mill-ġdid mingħajr ma jonqsu l-flus tal-kunsilli lokali.

Comments


bottom of page