top of page

Iffirmat ftehim bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-MCST fuq industriji kreattivi, xjenza u teknolo



STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SERVIZZI FINANZJARJI, EKONOMIJA DIĠITALI U INNOVAZZJONI

Iffirmat ftehim bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-MCST fuq industriji kreattivi, xjenza u teknoloġija

Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknologija (MCST) u l-Kunsill Malti għall-Arti iffirmaw ftehim fis-setturi tal-arti u xjenza. B’mod partikolari, dan il-ftehim jinkludi fih mezzi sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-settur kulturali u l-industriji kreattivi kif ukoll kollaborazzjonijiet bejn organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi u biex jitħeġġeġ approċċ interdixxiplinarju bejn l-arti u x-xjenza.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici rrimarka kif dan il-ftehim bejn iż-żewġ entitajiet ikompli jibni fuq il-prijoritajiet tal-Gvern fis-settur kulturali, b’mod partikolari fit-tisħiħ tal-opportunitajiet ta’ xogħol. Il-Ministru Bonnici saħaq fuq l-importanza li nsaħħu l-approċċ interdixxiplinarju tas-settur kulturali m’oqsma oħra bħax-xjenza u t-teknoloġija. Fil-fatt, il-Ministru spjega kif dan l-approċċ interdixxiplinarju nistgħu narawh fuq diversi livelli permezz ta’ dan il-ftehim fosthom tqassim tar-riżorsi, skambju t’esperjenzi u għarfien bejn iż-żewġ entitajiet, opportuniatjiet kreattivi ġodda għall-artisti u organizzazzjonijiet tal-art kif ukoll aktar aċċessibilità għall-udjenza varjata. Dan il-ftehim se jwassal f’kontribuzzjoni ta’ €125,000 mill-Kusill Malti għall-Arti.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali, u Innovazzjoni Silvio Schembri tenna kif permezz tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknologija, b’dan il-ftehim se nagħqdu l-arti u x-xjenza flimkien sabiex nattiraw aktar investiment ta’ kwalitá lejn pajjiżna, minħabba li nsiru aktar attraenti għall-innovaturi madwar id-dinja kollha. Is-Segretarju Parlamentari Schembri saħaq ukoll fuq l-importanza li l-istrateġija edukattiva tinkludi wkoll l-arti flimkien max-xjenza, t-teknologija, l-inġinerija u l-matematika, biex nimxu minn sistema STEM għall-STEAM, fejn minn età żgħira lit-tfal tagħna ngħallmuhom kif jesprimu l-ideat tagħhom u jifformaw il-kapaċità li jużaw il-ħsieb kritiku fl-iżvilupp tas-soluzzjonijet tagħhom.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-MCST Jeffrey Pullicino Orlando tenna li dan il-ftehim se jwitti t-triq għal relazzjoni tajba bejn l-entitajiet involuti u se jippromwovi ċelebrazzjoni ta’ arti u xjenza.

Min-naħa tiegħu iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall, qal li dan il-ftehim jorbot fuq l-istrateġija tal-Kunsill CREATE 2020. Huwa spjega kif minbarra komponent strateġiku, dan il-ftehim se joħloq ukoll sinerġiji bejn l-entitajiet involuti filwaqt li jsaħħaħ l-isforzi eżistenti lejn għanijiet komuni bħall-kollaborazzjonijiet u inizjattivi ezistenti Famelab u MakerFaire kif ukoll il-fond Kreattiv.

Dan il-ftehim se jservi biex isaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet permezz ta’ programmi ta’ fondi u inizjattivi. Il-Kunsill Malti għall-Arti sa jħeġġeġ artisti biex isegwu l-interessi tagħhom fix-xjenza u t-teknoloġija u jikkollaboraw m’individwi u organizzazzjonijiet f’dawn l-oqsma. Dan se jħeġġeġ l-integrazzjoni tax-xjenza u t-teknoloġija fil-programm ta’ fondi Kreattiv filwaqt li Esplora, parti mill-MCST, se tipprovdi gwida u assistenza lill-proġetti li jkunu qed jibbenefikaw minn dan il-fond u li jinkludu element ta’ xjenza u teknoloġija. Esplora se tkun qed toffri il-postijiet tagħha għal selezzjoni ta’ proġetti fejn l-arttisti jistgħu jesebixxu x-xogħol tagħhom filwaqt li tikkollabora f’attivtajiet organizzati mill-Kunsill Malti għall-Arti, inkluż il-Festival Internazzjonali Malti għall-Arti. Barra minn hekk, iż-żewġ entitajiet se jorganizzaw sessjonijiet t’informazzjoni u networking fejn l-artisti, organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi, edukaturi u individwi fix-xjenza u teknoloġija se jkollhom l-opportunità li jiddiskutu u joħorġu b’ideat għall-proġetti futuri u kollaborazzjonijiet oħra.

Il-ftehim ġie ffirmat miċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall u ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pullicino Ordlando fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri u l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.

Waqt din l-okkażjoni kienu inawgurati żewġ murali ‘Odyssey of the Observer’ and ‘Transience of Thought’ tal-artist lokali Dominique Cianco.

Comments


bottom of page