top of page

Jinfetħu l-uffiċini l-ġodda tal-Fondazzjoni Valletta 2018



STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U VALLETTA 2018

Jinfetħu l-uffiċini l-ġodda tal-Fondazzjoni Valletta 2018

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 għadha kif fetħet uffiċini ġodda fil-Belt Valletta bi preparazzjoni għas-sena li matulha l-Belt Valletta jkollha t-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Il-Fondazzjoni mexxiet il-kwartieri tagħha minħabba li kabbret it-team tagħha, u biex ikun iktar faċli biex dipartimenti differenti li tħaddan, jaħdmu flimkien.

Għall-ftuħ uffiċjali kien hemm preżenti l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista, u ċ-Chairman tal-Fondazzjoni Jason Micallef. Ilkoll iltaqgħu mal-ħaddiema tal-Fondazzjoni li bħalissa għaddejjin bl-aħħar tħejjijiet għal din is-sena tant mistennija.

Il-Ministru Owen Bonniċi saħaq li dan it-titlu prestiġġjuż se jkun pass ieħor fil-ħidma tal-Gvern li jagħti l-Kultura l-post li verament jixraqilha fis-soċjetà tagħna. “Għalhekk l-investiment tagħna f’din il-Fondazzjoni, huwa parti minn kullana ta’ investimenti li qed isiru biex nilħqu t-tliet għanijiet tagħna fis-settur kulturali, jiġifieri li nressqu l-kultura qrib kullħadd, inżidu l-professjonalità fis-settur kulturali, u li s-settur kulturali jikkontribwixxi iktar lejn l-ekonomija tal-pajjiż permezz ta’ ħolqien tax-xogħol”, saħaq Bonniċi.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista enfasizza l-bżonn li apparti programm ambizzjuż għal waqt l-2018, il-Gvern huwa kommess ukoll li l-legat li jitħalla wara l-2018 ikun wieħed b’saħħtu wkoll. “Se nibqgħu nenfasizzaw l-importanza li apparti li jkollna programm ambizzjuż għas-sena 2018, kemm f’dak li huwa spettaklu u attivitajiet artistiċi u anke f’workshops u laqgħat li se jkunu qed isiru għall-artisti emerġenti, inħallu wkoll legat ambizzjuż. Se naħdmu biex ċertu taħriġ fosthom workshops f’ġeneri kulturali differenti li se jsiru tul l-2018, ikunu estiżi anke għal wara biex dak miksub tul is-sena li l-Belt Valletta tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, ma jintilifx,” saħaq Debattista.

Ic-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 18, Jason Micallef spjega li bis-saħħa ta’ dawn l-uffiċini l-ġodda, d-dipartimenti differenti jistgħu jaħdmu b’iktar sinerġija u b’mod iktar effettiv. “Is-sena li ġejja se tkun sena importanti għalina għax hija sena li fiha se npoġġu fuq pjattaforma s-sbuħija tal-Kapitali tagħna u dak li Malta għandha x’toffri, kemm bħala infrastruttura, kif ukoll bħala talent” temm jgħid Jason Micallef. L-uffiċini l-ġodda għandhom aċċessibiltà akbar u aħjar għall-pubbliku ġenerali.

L-uffiċini l-ġodda tal-Fondazzjoni Valleta 2018 huma maqsuma f’dawn id-dipartimenti:

• Id-Dipartiment tal-Komunikazzjoni

• Id-Dipartiment tal-Finanzi

• Id-Dipartiment tar-Riċerka

• Id-Dipartiment tal-Amministrazzjoni

• Id-Dipartiment tal-Programm

• Id-Dipartiment tal-Kultura

Comments


bottom of page