Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonniċi kellu l-opportunità li jiltaqa’ mal-ewwel żewġ żgħażagħ Maltin li se jipparteċipaw fil-Forum Globali ta’ Salzburg għal Young Cultural Innovators. Dan huwa ftehim bi sħab bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Forum Globali ta’ Salzburg li jammonta għal 30,000 dollaru.
Iż-żewġ partecipanti, Kristina Borg u Elyse Tonna ntgħażlu bħala l-ewwel żewġ Cultural InnovatorsMaltin li se jipparteċipaw f’dan il-Forum. Illum huma ltaqgħu mal-Ministru Bonnici u mal-Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti għal Malta G. Kathleen Hill. Il-parteċipazzjoni Maltija fil-Forum hija possibbli permezz ta’ ftehim bejn id-Direttorat tal-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti u s-Salzburg Global Forum b’kollaborazzjoni mal-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Malta.
Fil-Forum iż-żewġ żgħażagħ se jingħaqdu ma’ ħamsin parteċipant dinamiku minn madwar id-dinja li jitqiesu bħala creative changemakers. Dawn se jingħaqdu f’network ma’ “YCI hubs” f’sitt reġjuni globali biex jgħinuhom jiżviluppaw viżjoni dinamika, ħiliet intraprenditorjali u networks globali meħtieġa biex javanzaw l-organizazzjonijiet tagħhom u l-komunitajiet tagħhom, fost oħrajn.
Waqt il-laqgħa l-Ministru Bonnici esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din il-koperazzjoni minħabba li se toffri opportunità liż-żgħażagħ f’niċċa artistika relattivament ġdida. Filfatt dan il-ftehim se jirriżulta f’opportunità lill-innovaturi żgħażagħ fis-setturi artistiċi u kulturali bil-għan li jużaw l-arti bħala għodda ħalli jaffaċċjaw sfidi tas-seklu 21, fosthom li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli.
Il-Ministru Bonnici qal li dan huwa eżempju li l-kultura ma tistax tħares lejha f’iżolazzjoni, imma hija settur li titwaħħad ma’ setturi oħra importanti fis-soċjetà tagħna, fosthom l-iżvilupp sostenibbli u ekonomiku.
L-Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti għal Malta G. Kathleen Hill ferħet liż-żewġ parteċipanti fil-Young Cultural Innovators Seminar u sostniet l-impenn tal-Gvern Amerikan li jgħin fl-avvanz tal-iskambju kulturali u li jrawwem l-innovazzjoni permezz ta’ dawn it-tip ta’ programmi kollaborattivi.
Il-Ministru Bonnici wkoll feraħ liż-żewġ artisti parteċipanti u laqa’ dan il-fteim li jirrifletti l-prijoritajiet tal-Kunsill Malti għall-Arti, biex jassikura aktar opportunitajiet ħalli l-innovazzjoni fil-kultura tkompli tavvanza.
Comments