INFORMAZZJONI MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA
U GVERN LOKALI
Żewġ rappreżentanti tal-kumpanija Franċiża Meludia, Kevin Kleinmann u Bastien Sannac, mexxew attività interattiva fi Spazju Kreattiv fil-Kavallier ta’ San Gakbu għal żewġ klassijiet minn skejjel primarji u klassi minn skola sekondarja. Meludia hija pjattaforma rivoluzzjonarja li biha persuna tista’ titgħallem il-mużika. Kien it-tenur Joseph Calleja li matul is-sena li għaddiet avviċina lill-Prim Ministru Joseph Muscat sabiex din il-pjattaforma tiġi offruta liċ-ċttadini Maltin. Il-Prim Ministru, flimkien mal-Ministru għall- Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici fehmu l-importanza ta’ din l-inizjattiva u li tkun offruta b’xejn lil kulħadd. F’din it-tieni mawra tagħhom f’Malta, s-Sinjuri Kleinmann u Sannac daru diversi setturi tas- soċjetà, minn tfal fi skejjel primarji, għal tfal bi bżonnijiet speċjali, minn persuni li jinsabu rikoverati fl-isptar, għal anzjani, kif ukoll persuni li jinsabu f’faċilità korrettiva. Permezz ta’ parteċipazzjoni attiva f’dan il-programm, kull parteċipant mhux biss seta’ jifhem it-teknika bażika tal-mużika imma permezz tiegħu, seta’ jirfina l-ħiliet konoxxittivi li jistgħu jgħinu lill- persuna f’oqsma oħra ta’ tagħlim. Il-programm Meludia qiegħed jintuża f’168 pajjiż u fih 625 programm li joffru gradi ta’ ħiliet differenti li jibdew minn dawk immirati għall-persuna li għadha ser tibda, għal-livell ta’ persuna esperta fil-mużika. Il-metodu tal-Meludia ġie maħsub u maħluq mill-kompożitur Vincent Chaintier wara riċerka li ħadet ħamsa u għoxrin sena, kif ukoll ħames snin biex ġie żviluppat il- programm li wieħed jista’ jaċċessa fuq www.meludia.com. Avvanz ieħor li sar għal din il-pjattaforma huwa li issa wieħed jista’ jkollu aċċess għaliha permezz ta’ app fuq mowbajl.
Comentarios