Illum il-Gvern se jkun qiegħed idaħħal fis-seħħ id-Direttiva 2014/41/UE dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali.
Permezz ta’ din id-Direttiva qed tiġi stabbilita proċedura speċifika, skadenzi għall-infurzar, u regoli oħra speċifiċi sabiex tiġi regolata b’mod uniformi u effettiv il-koperazzjoni ġudizzjarja f’investigazzjonijiet kriminali.
Din id-Direttiva tkopri kemm investigazzjonijiet marbuta ma’ persuni kif ukoll biex tinħareġ informazzjoni dwar kontijiet bankarji u assi ta’ persuni (fiżiċi jew ġuridiċi), inkluż għal moniteraġġ in real time ta’ operazzjonijiet bankarji u saħansitra controlled deliveries.
Irid jingħad li hafna mill-miżuri msemmija fid-Direttiva kienu diġà jinsabu parti mil-liġi Maltija.
Din id-Direttiva tkompli fuq liġijiet oħra tal-UE li daħlu fis-seħħ matul l-aħħar snin u li permezz tagħhom ġiet imsaħħa l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. Fost dawn l-istrumenti hemm il-Mandat Ewropew għall-Provi (European Evidence Warrant), kif ukoll talbiet speċifiċi għal ġbir ta’ provi, smiegħ ta’ xhieda, iffriżar ta’ assi, eċċ.., li jsiru taħt il-qafas ġeneriku ta’ assistenza ġudizzjarja reċiproka (mutual legal assistance) bejn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.
Comments