Dan il-festival għandu programm multidixxiplinarju u fih 25 proġett, li minnhom, ġew ikkummissjonati artisti Maltin sabiex jaħdmu fuqhom. Din hija opportunità għall-artisti Maltin biex jesebixxu t-talenti tagħhom u b’hekk qiegħed jiżdied l-investiment fir-repertorju artistiku nazzjonali. Apparti artisti Maltin hemm ukoll artisti ta’ fama internazzjonali minn 12-il pajjiż differenti (li ġejjin minn 3 kontinenti differenti) li qegħdin jesebixxu xogħlhom.
Il-ministru Bonnici qal li b’dan il-Festival, it-tfal jibdew jitgħallmu x’inhi l-arti u x’inhi s-sbuħija tal-kultura. Il-ministru kompla jgħid li “din hija attività oħra li qed nagħmlu aħna biex ikollna aktar kultura fit-tfal tagħna, fiż-żgħażagħ tagħna sabiex pajjiżna jkun aħjar”.
Fl-attività tat-tnedija, numru ta’ tfal ġew mitluba li jwaħħlu dak li jixtiequ jagħmlu, u x’jixtiequ li jaraw madwarhom ma’ pjanti li qegħdin fi Pjazza Kastilja.
F’din l-edizzjoni, hemm aktar minn 150 artist li qegħdin jipparteċipaw f’dan il-Festival u hemm programm speċjali għal Għawdex fejn se jittelgħu proġetti hemm ukoll biex dan il-festival ikun aċċessibbli kemm jista’ jkun.
Huwa mistenni li Żigużajg ikollu eluf ta’ parteċipanti, l-aktar tfal u żgħazagħ, minħabba li l-udjenza mira tiegħu huma dawn.
Il-Festival Żigużajg se jkun qed jittella’ fil-Belt Valletta bejn is-17 u l-26 ta’ Novembru 2017.
Comments