Il-Ministru Bonnici qal li l-Gvern qiegħed jaħdem biċ-ċar biex jinvesti fis-settur kulturali ta’ pajjiżna. “Aħna rridu li uliedna, u ulied uliedna jħobbu l-arti, jħobbu l-kultura, jħobbu l-kreattività. U b’hekk nidejna dak li ngħidulu il-Culture Pass, fejn l-istudenti li jmorru fi skejjel sekondarji jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din il-festa ta’ kreattività”
Bħala parti mill-istrateġija Create2020, il-Kunsill Malti għall-Arti jara l-aċċessibilità għall-arti bħala importanti ħafna. Dan il-programm, offrut mill-Gvern u l-Kunsill Malti għall-Arti, qiegħed jagħti l-istudenti d-dritt li jesperjenzaw minn tal-inqas attività kulturali waħda fis-sena, permezz tal-iskola tagħhom, u b’dan il-mod, l-istudenti jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fil-kultura u fl-arti.
Fit-tnedija ttellgħet ukoll play – Everything you need to Know about Science - minn More or Less Theatre , togħma ta’ dak li joffri l-Culture Pass. Il-programm huwa mmirat lejn studenti tas-sekondarja u se jieħu post il-Culture Card.
Dan il-programm jagħti l-opportunità lil kull student ta’ livell sekodnarju li jesperjenza minn tal-inqas produzzjoni artistika waħda fis-sena, prodotti minn professjonijisti kreattivi, u preżentati fi programm ikkurat.
Dan il-programm il-ġdid huwa ddisinjat biex jipprovdi l-istudenti ta’ livell sekondarju b’ esperjenzi kulturali professjonali u artistiċi, jikkomplementa r-riżultati għat-tagħlim tal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali u jżid il-valur tal-edukazzjoni tal-arti u suġġetti kurrikulari oħra. Il-programm jinkoraġġixxi lill-operaturi tal-industrija kreattiva u jiżviluppa xogħol ġdid għall-udjenzi żgħar filwaqt li jżid il-kapaċità tal-programm fuq tul ta’ żmien bl-għan li jressaq dixxipplini artistiċi, kif ukoll mhux artistiċi lejn il-kurrikulu tal-istudenti.
Il-ġeneri artistiċi tal-programm huma ż-żfin, it-teatru, il-mużika, l-arti viżiva, il-letteratura u l-patrimonju. Din is-sena, l-iskejjel sekondarji jistgħu jagħżlu minn 25 avveniment artistiku u huma mitluba jagħżlu avvenimenti addattati għall-istudenti tagħhom mill-programm biex jiġi żgurat li l-kalendarju dinamiku ta’ avvenimenti kulturali jkun relatat mal-edukazzjoni tagħhom u li jkattar apprezzament lejn il-kultura u l-arti.
Fil-perjodu ta’ Jannar – Ġunju 2017, madwar 8,700 student ibbenefikaw mill-programm tal-Culture Pass.
Comments