top of page

Iktar riformi fis-settur ġudizzjarju: Mil-lum reġistru online ta’ persuni interdetti u inabilitati



Fl-2016 il-Gvern, permezz tal-Att Nru IV, introduċa numru ta’ riformi fil-qasam tal-ġustizzja intiżi biex itejbu l-effiċjenza fil-qrati; l-effiċjenza mhux biss fil-ħin, imma anke ekonomika li tissarraf fi ffrankar ta’ flus, kemm għall-persuna li qed tagħmel użu mis-servizzi tal-qorti, kif ukoll għad-Dipartiment tal-Qorti stess.

Qegħdin nirreferu għal proċedura użata biex persuna tiġi interdetta jew inabilitata, proċedura li sa qabel dawn l-emendi kienet tiswa lill-applikant €443 biex jinnotifika lin-nutara kollha. B’dawn l-emendi dan l-ammont m’għadux jitħallas peress li llum l-liġi tipprovdi li għandu jitwaqqaf Reġistru tal-Persuni Interdetti u Inabilitati uffiċjali f’format elettroniku.

Dak huwa li qed nagħmlu llum. Dan ir-reġistru online se jkun, kif tgħid il-liġi, aċċessibbli għal avukati, nutara u prokuraturi legali, u għalhekk in-notifika lin-nutara mhemmx għalfejn tibqa’ ssir. L-aċċessibbiltà se tkun mis-servizz diġà mogħti mill-amministrazzjoni tal-qorti fuq is-sit eCourts.gov.mt.

Ta’ min ifakkar li s-servizzi offruti mill-website tal-qorti, jiġifieri eCourts.gov.mt, huma bosta, u professjonist jista’ jirreġistra għal dawn is-servizzi billi jottjeni l-eID, jirreġistra għal Court Services mill-Mygov.mt, u jkollu aċċess għad-database tal-qorti. Barra dan, ikun jista’ jippreżenta online ittri uffiċjali, rikorsi promoturi fil-Qorti tal-Magistrati, fit-Tribunal għal Talbiet Zgħar, u fit-Tribunal għal Reviżjoni Amministrattiva. Jista’ jagħmel ukoll riċerka testamentarja għal testmenti sigrieti; ikun jista’ jirregistra wkoll għal “Get Mobile Notification” biex jirċievi differimenti ta’ kawżi li jkunu jinteressawh. Hemm bosta aktar servizzi li huma kollha ntiżi biex jgħinu lill-professjonisti jagħtu servizz aħjar lill-klijenti tagħhom li fuq kollox dawn jirrikorru għandhom biex ifittxu ġustizzja li kif dejjem jirritjeni l-Gvern, għandha tingħata fl-iqsar żmien possibbli.

Il-Gvern se jkompli jżid dawn is-servizzi u jħeġġeġ lill-professjonisti kollha biex jagħmlu użu minnhom għall-ġid ta’ kulħadd. Il-Gvern huwa impenjat li jkompli bir-riforma fil-qasam tal-ġustizzja.

Comments


bottom of page