Il-Kollezzjoni Numismatika Nazzjonali tikkonsisti f’aktar minn 16,000 munita u midalja, u hija l-akbar u l-aktar kollezzjoni diversa li tinstab fi gżiritna. Il-viżitaturi ta’ Heritage Malta jistgħu jaraw kollezzjoni vasta ta’ dawn il-muniti fil-Wirja Numismatika Nazzjonali fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija.
“Din il-kollezzjoni ta’ valur turina, u tfakkarna, kemm pajjiżna għadda minn affarijiet u kemm kellu sehem fi ġrajjiet, speċjalment minħabba l-post strateġiku tagħna”, qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici. “Hija ħaġa tajba li kollezzjoni bħal din tkun aċċessibbli għal kulħadd.”
Din il-kollezzjoni dejjem qiegħda tikber bis-saħħa ta’ akkwisti u donazzjonijiet. Din il-wijra hija maqsuma skont il-perjodi u tinkludi l-Kartaġiniżi, ir-Rumani, il-millenju medjevali, l-Ordni ta’ San Ġwann, il-Franċiżi u l-Ingliżi. Sezzjoni oħra tinkludi midalji, forom imnaqqxa, provi u aċċessorji, filwaqt li l-proċess tal-izzekkar se jkun spjegat permezz ta’ mezzi awdjoviżivi.
Iċ-Chairperson ta’ Heritage Malta Dr Joe Buttigieg qal li, “F’okkazjonijiet bħal dawn tajjeb niftakru f’dawk li taw kontribut sabiex illum inkunu nistgħu naħsdu l-frott tax-xogħol tagħhom. Fosthom insemmu d-donazzjoni konsderevoli tal- Prof Salvatore Luigi Pisani fl-1899 u lil Dr Tancred Gouder, eks kuratur tal-arkeoloġija u direttur tad-Dipartiment tal-Mużewijiet, li kellu din il-kollezzjoni verament għal qalbu u li ħa ħsieb jesibiha u jkattarha tul is-snin.” Kien wasal iż-żmien li l-wirja tal-muniti tkun esibita b’mod permanenti u għalhekk tkun aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali b’mod regolari għall-ewwel darba, għax sa issa dejjem kienet aċċessibbli biss b’appuntament.
Il-muniti bdew jiġu ‘stampati’ madwar 650 sena QK. Dawn jipprovdu evidenza fiżika tal-valuri monetarji kif ukoll informazzjoni oħra bħall-importanza politika ta’ perjodi differenti.
Sal-1972 il-Maltin kienu jużaw l-aktar il-muniti użati mid-diversi qawwiet barranin li kienu jokkupaw il-gżejjer. F’dik is-sena Malta ħarġet il-munita tagħha għall-ewwel darba. Heritage Malta għandha wkoll għall-wiri numru ta’ muniti f’mużewijiet oħra bħad-Domus Romana, il-Mużew tal-Arkeoloġija f’Għawdex u l-Forti Sant’Iermu. Selezzjoni minn din il-kollezzjoni eventwalment se tkun għall-wiri wkoll fil-Palazz tal-Gran Mastru f’wirja dwar żmien il-Kavallieri f’Malta bħala parti mill-proġett maġġuri ta’ rijabilitazzjoni ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista kien preżenti wkoll għat-tnedija tal-esebizzjoni.
Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija huma mid-9.00 sal-17.00 sa Frar, u mid-9.00 sas-18.00 minn Marzu sa Diċembru. Għal aktar informazzjoni, żur www.heritagemalta.org
Comments