Owen Bonnici:
Sur President,
Kemm jiena kburi li jiena Malti!
Kemm jiena kburi b’dak li kapaċi jagħmel il-poplu Malti u Għawdxi meta jkun magħqud ponn wieħed.
Dak li rajna s-Sibt li għadda, jiġifieri l-ftuħ uffiċjali ta’ Valletta 2018, kien turija tat-talent eċċezzjonali tal-poplu Malti u Għawdxi.
U dan it-talent eċċezzjonali ma urejniehx biss fostna hawn f’Malta iżda segwewh nies mill-Ewropa kollha u d-diversi kontinenti.
Kull min inġabar f’waħda mill-erba’ pjazez nhar is-Sibt li għadda kellu sens qawwi ta’ kburija f’pajjizna. Kinitx il-pjazza mwellda mill-ġdid tat-Tritoni, kinitx il-faċċata ta’ Kastilja jew tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann – it-tnejn restawrati b’għozza kbira – jew inkella kienx il-palk fi Pjazza San Ġorġ, dawn il-postijiet kienu xhieda tal-kburija li l-poplu Malti u Għawdxi magħqud għandu f’dak li jagħmilna Maltin, fil-qalb tħabbat tal-poplu Malti favur pajjiżna.
Sur President,
Sħabi membri Parlamentari,
Nhar is-Sibt li għadda, u konvint matul din is-sena, il-poplu bagħtilna reminder, tfakkira importanti ħafna speċjalment lilna l-klassi politika.
Li ma hemmx blu jew aħmar jew kulur ieħor, ma hemmx jekk intix min-North jew mis-South, ma hemmx jekk intix Għawdxi jew Malti, jekk intix Kattoliku jew le, jekk intix konservattiv fil-ħsieb jew liberali, jekk twelidtx f’Malta jew inti Malti għax sirt.
Li jiswa hu li aħna poplu Malti wieħed magħqud taħt il-bandiera sabiħa bajda u ħamra.
Sur President,
L-Onor Deo Debattista, ħabib għażiż tiegħi u Belti kburi, se jkun qed jagħti iktar dettalji dwar Valletta 2018.
Però ridt ngħaddi żewġ ħsibijiet qabel inħalli f’idejh.
L-ewwel ħsieb. Illum il-ġurnata, nista’ bi kburija ngħid li l-kultura, għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, hija prijorità bis-serjetà.
Il-kultura hija fattur li, kif jurina Valletta 2018, jista’ jbiddel l-affarijiet. A change-agent.
Imma hija wkoll niċċa ekonomika - settur li joħloq il-karrieri u l-impiegi.
Diġà tkellimt drabi oħra dwar l-fondi rekord li għandna għal din is-sena fis-settur kulturali u wkoll dwar l-eluf ta’ nies li jaħdmu fis-settur kulturali u kreattiv. Illum irrid naqsam magħkom informazzjoni ekonomika inizjali li ġejt infurmat biha proprju f’dawn il-jiem.
L-ewwelnett ir-rata ta’ tkabbir tal-industrija kreattiva u kulturali ssuperat l-bqija tal-ekonomija;
Il-valur miżjud gross tal-industrija kreattiva u kulturali huwa ta’ 7 fil-mija, ċioè iktar minn, per eżempju, l-industrija tal-kostruzzjoni u servizzi tal-ikel. Niċeċ oħra partikolari tal-industrija kreattiva u kulturali, bħal per eżempju servizzi marbuta mal-patrimonju kulturali, il-persentaġġ jitla’ iktar.
Il-valur miżjud gross tal-industrija kreattiva u kulturali għal kull persuna impjegata f’din l-industrija huwa stmat għal EUR 40,900 - li hu għola minn dak iġġenerat fil-manifattura u s-servizzi.
Rajna żieda ta’ 5 fil-mija fl-impiegi fl-industriji kreattivi u kulturali komparat mas-sena ta’ qabel.
Hawnhekk fi kliem ieħor qed naraw l-irrankar ta’ niċċa ekonomika f’livelli li qatt ma rajna bħalhom fl-istorja sabiħa ta’ pajjizna.
It-tieni ħsieb - Grazzi.
Valletta 2018 ma setax isir kieku ma kienx hemm il-Prim Ministru Lawrence Gonzi u l-Ministru għall-Kultura ta’ dak iż-żmien Mario de Marco li emmnu f’dan il-proġett u ssottomettewh lill-Kummissjoni Ewropea. Kif diġà għamilt f’okkażjonijiet oħra, nirringrazzjahom.
Iż-żerriegħa naturalment ma tagħtix il-frott jekk ma jkunx hemm min jagħti l-ħin, it-talent u l-enerġija tiegħu biex il-proġett jirrealizza ruħu.
Grazzi lill-Prim Ministru Joseph Muscat li ra f’Valletta 2018 opportunità biex il-Belt Valletta tiġi riġenerata, lil Jason Micallef li ħadem bla heda u ta l-massimu tiegħu sabiex qed niktbu l-istorja flimkien, u lil Catherine Tabone li ġabet magħha esperjenza vasta, inkluż minn istituzzjonjiet Ewropej ewlenin bħalma huma l-University of Cambridge.
Grazzi lill-artisti kollha u l-professjonisti involuti fl-immaniġġjar tal-arti. Grazzi lis-Sindku tal-Belt Alexiei Dingli u lill-gvernaturi u ħaddiema kollha tal-Fondazzjoni 2018.
Għamiltuna kburin nhar is-Sibt u se tkomplu tagħmluna kburin fil-bqija tas-sena u fix-xhur ta’ wara u ta’ wara.
Issa bil-permess tal-Kamra nħalli l-kelma lill-kollega l-Onor Deo Debattista.
Deo Debattista:
Sur President,
Iċ-ċerimonja tal- ftuħ tas-Sibt li għadda, li laqgħet madwar 110,000 persuna fit-toroq tal-Belt Valletta, jiġifieri kwart tal-poplu Malti, kienet suċċess. Dan grazzi għad-dedikazzjoni u l-ħidma li wettqu l-ħaddiema kollha tal-Fondazzjoni Valletta 2018, imemxxija mill-kollega Jason Micallef. Diversi entitajiet oħra, bħall-GHRC, Enemalta, MTA, id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, u Transport Malta wkoll kienu strumentali f’dan is-suċċess.
Valletta 2018 kienet possibbli għaliex fl-2012, il-Kummissjoni Ewropea għażlet lill-Belt Valletta bħala Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2018, sena wara li l-Gvern ta’ dak iż-żmien, immexxi minn Lawrence Gonzi, tefa’ n-nomina tiegħu.
In-nomina oriġinali kienet tgħid li se jkunu allokati EUR 48 miljun għal Valletta 2018. Bi kburija, ngħid li dan il-Gvern baqa’ leali ma’ dan l-ammont allokat, u mar oltre.
Proġetti infrastrutturali f’diversi siti, ma kinux fil-pjan oriġinali ta’ Valletta 2018, iżda, maż-żmien, il-Gvern u l-Fondazzjoni raw il-potenzjal ta’ proġetti ta’ dan it-tip fid-dawl ta’ din is-sena unika.
Valletta 2018 hija l-ikbar investiment fil-kultura li qatt raw il-gżejjer tagħna. Huwa proġett nazzjonali li għalkemm jismu Valletta 2018, se jgawdu l-inħawi kollha ta’ Malta u Għawdex. Għalhekk tajjeb li nfakkar li 200 mill-400 avveniment ippjanat għal din is-sena se jsiru barra l-bibien tal-Belt Valletta, b’30 minnhom isiru f’Għawdex.
Ir-raġuni għaliex dan kien assigurat huwa sempliċi. Apparti li ridna li artisti minn kull rokna tal-gżejjer tagħna jingħataw opportunità xierqa, ridna ninkorporaw l-ispirtu kulturali li jgħaqqad lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Fuq kollox dik hija l-kultura. Il-kultura hija dak kollu li jikkaratterizza grupp ta’ nies u l-għarfien tal-grupp: storja, lingwa, reliġjon, ikel, drawwiet, mużika, arti, kif ukoll l-imġieba u l-interazzjoni soċjali (definizzjoni mogħtija minn Christina De Rossi, antropologa minn Barnet and Southgate College f’Londra).
B’din id-definizzjoni f’moħħna, issa se nagħmlu l-pass li jmiss f’dan ir-rigward - li nassiguraw legat kulturali b’saħħtu hekk kif jingħalaq is-siparju fuq is-sena 2018.
Kif ħabbart ftit tax-xhur ilu, il-Gvern u l-Fondazzjoni Valletta 2018 għaddejjin b’diskussjonijiet sabiex titwaqqaf aġenzija li se tiggarantixxi l-legat kulturali ta’ Valletta 2018. Id-diskussjonijiet qed jiġu mfassla abbażi ta’ 5 kriterji li huma l-aħjar pass ’il quddiem biex intejbu s-settur kulturali tagħna.
Dawn huma:
L-appoġġ finanzjarju
L-appoġġ politiku
Il-kurżità soċjali
L-ambizzjoni kreattiva, u
Domanda pubblika
Mill-aspett strutturali, se nħallu warajna numru ta’ binjiet storiċi li tlesta xogħol ta’ restawr fuqhom fl-aħħar żmien bħal Palazzo Ferreria, Palazzo Verdelin, il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Knisja tal-Ġiżwiti, u l-Mużew Nazzjonali tal-Arti il-ġdid, il-MUŻA, li se jkun inawgurat uffiċjalment iktar tard din is-sena.
Dan hu l-bidu ta’ era ġdida għall-Belt Valletta u għall-kultura f’Malta u Għawdex kollha. Era ġdida li tiggarantixxi l-espressjoni artistika għas-snin li ġejjin.
Grazzi Sur President.
Comments