Spazju Kreattiv nieda Sistema tas-Smigħ (Hearing Loop) ġdida fiċ-Ċinema tiegħu. Issa, membri tal-udjenza li jużaw apparat tas-smigħ jistgħu jaqilbu l-apparat tagħhom fil-pożizzjoni ‘T’ sabiex jaqbdu mas-sistema.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dan il-pass se jagħmel lill-unika ċinema arthouse f’Malta aċċessibbli għal udjenzi aktar wiesa’ u li hu f’konformità mal-Istrateġija 2020 tal-Kunsill Malti għall-Arti, li tagħti prijorità lil kultura aċċessibbli u inklussiva u tappoġġja l-iżvilupp ta’ soċjetà inklussiva u attiva. “L-għan ta’ dan il-gvern hu li jkollna kultura eqreb u aktar aċċessibbli għall-poplu”, kompla jgħid il-Ministru Bonnici.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis qal li inizjattivi bħall-Hearing Loop System ifissru aċċessibilità għall-persuni neqsin mis-smigħ. Barra minn hekk, il-fatt li Spazju Kreattiv hu aċċessibbli b’siġġu tar-roti, qed tiġi żgurata l-aċċessibilità globali għal avvenimenti kulturali u kreattivi.
Anthony Agius Decelis semma li nsibu Hearing Loop System fis-Santwarju Ta’ Pinu f’Għawdex u ħeġġeġ iktar entitajiet biex jersqu ’l quddiem bi proġetti bħal dawn li jippromwovu l-aċċessibilità.
Iċ-Ċinema ta’ Spazju Kreattiv tospita aktar minn 400 wirja fis-sena u hi l-unika ċinema Arthouse f’Malta li turi films Ewropej u arthouse, kif ukoll rappreżentazzjonijiet mir-Royal Shakespeare Company, min-National Theatre, mill-Met Opera u mill-Bolshoi Ballet. Iċ-Ċinema tikkollabora wkoll ma’ festivals tal-films internazzjonali u lokali inklużi l-Valletta Film Festival, il-European Cinema Day, il-LUX Prize, l-International Film Festival ta’ Rotterdam u hi wkoll membru tan-network Ewropew Europa Cinemas.
Is-sistemi tas-smigħ (Hearing Loop) huma meqjusa bħala l-aktar teknoloġiji assistivi disponibbli li huma effettivi u faċli biex jintużaw u li ma jagħtux problemi. Il-hearing loop tibgħat ħoss ċar minn sistema tal-ħsejjes direttament lejn apparat tas-smigħ mingħajr distorsjoni jew ħsejjes tal-isfond. Il-hearing loop m’għandha bżonn l-ebda tagħmir addizzjonali u taqbad mal-apparat tas-smigħ ta’ kull utent individwali.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai qal li riċentament saru diversi xogħlijiet fiċ-Ċinema ta’ Spazju Kreattiv inklużi s-sistema ġdida ta’ loudspeaker 7.1 u l-installazzjoni ta’ houselights LED. Hu qal li dawn, flimkien mas-sistema Loop ġdida se jiżguraw li ċ-Ċinema tipprovdi lill-udjenza tagħha b’esperjenza mill-aqwa, bi ħsejjes u viżwali eċċellenti kif ukoll b’firxa wiesgħa ta’ wirjiet.
Għal aktar informazzjoni dwar il-programm taċ-ċinema ta’ Spazju Kreattiv żur www.kreattivita.org/en/venue/cinema/ jew ċempel 21223200.
Comments