Is-settur kulturali u artistiku qiegħed jissaħħaħ. F’dawn l-aħħar snin minn kemm ilni responsabbli għall-kultura nista’ ngħid li s-settur kulturali huwa wieħed li kulma jmur dejjem qiegħed jikber u jagħti frott. Kien essenzjali li dan is-settur tant vast jingħata l-importanza li ħaqqu. Huwa ċar kemm dan il-Gvern ħadem, u qiegħed jaħdem, biex il-kultura tkun minn ta’ quddiem fil-prijoritajiet tiegħu. Dan kollu sar għaliex aħna nemmnu bis-sħiħ f’dan is-settur li huwa kapaċi jikkontribwixxi lejn l-ekonomija tal-pajjiz. L-għan tagħna huwa li naraw li l-kultura f’pajjiżna tħaddan l-importanza li jixirqilha.Pajjiżna huwa mimli talent, kif ukoll storja u arti u għandna nissalvagwardjawhom u nkattruhom kemm jista’ jkun. Dan kien rifless bil-kbir fl-investiment bla preċedent li rajna f’dan il-baġit, fejn ġew allokati €70 miljun għal dan is-settur. Apparti minn hekk, illum il-ġurnata hemm madwar 14,000 persuna li jaħdmu f’dan is-settur, turija ċara ta’ kemm kiber u kemm jagħti frott.
Diġà tkellimt drabi oħra dwar l-fondi rekord li għandna għal din is-sena fis-settur kulturali u wkoll dwar l-eluf ta’ nies li jaħdmu fis-settur kulturali u kreattiv. Nixtieq naqsam magħkom informazzjoni ekonomika inizjali li ġejt infurmat biha fil-ġimgħa taċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Valletta 2018.
L-ewwelnett ir-rata ta’ tkabbir tal-industrija kreattiva u kulturali ssuperat l-bqija tal-ekonomija;
Il-valur miżjud gross tal-industrija kreattiva u kulturali huwa ta’ 7 fil-mija, ċioè iktar minn, per eżempju, l-industrija tal-kostruzzjoni u servizzi tal-ikel. Niċeċ oħra partikolari tal-industrija kreattiva u kulturali, bħal per eżempju servizzi marbuta mal-patrimonju kulturali, il-persentaġġ jitla’ iktar;
Il-valur miżjud gross tal-industrija kreattiva u kulturali għal kull persuna impjegata f’din l-industrija huwa stmat għal EUR 40,900 - li hu għola minn dak iġġenerat fil-manifattura u s-servizzi;
Rajna żieda ta’ 5 fil-mija fl-impiegi fl-industriji kreattivi u kulturali komparat mas-sena ta’ qabel.
Hawnhekk fi kliem ieħor qed naraw l-irrankar ta’ niċċa ekonomika f’livelli li qatt ma rajna bħalhom fl-istorja sabiħa ta’ pajjizna.
Il-kultura hija fattur li, kif jurina Valletta 2018, jista’ jbiddel l-affarijiet. ll-Kapitali Ewropea tal-Kultura ġabet magħha bosta bidliet li ħallew impatt. Eżempju siewi ta’ dan huwa l-ħafna xogħol ta’ restawr li sar fil-Belt Valletta kif ukoll madwar Malta. Tlestew numru ta’ proġetti fil-belt li jinkludu t-Teatru Manoel, il-faċċati ta’ Palazzo Ferreria u Palazzo Castellania, Palazzo Verdelin, u l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Bis-saħħa ta’ pilastru fundamentali bħalma hu r-restawr, il-wirt storiku tagħna qiegħed jiġi ppreservat u qegħdin inħallu legat tal-wirt storiku tagħna. Filfatt investiment ta’ €1.8 miljun b’fondi Ewropej wassal għar-restawr tat-Teatru Manoel li kien bżonnjuz u mistenni.
Din is-sena se ġġib magħha ħafna avvenimenti –se ninawguraw numru ta’ proġetti kapitali matul din iċ-ċelebrazzjoni tal-kultura. Fost dawn, insibu l-inawgurazzjoni tal-mużew nazzjonali tal-arti, il-MUŻA, li se jħalli legat għall-ġenerazzjonijiet futuri tagħna. Dawn il-proġetti wassluna għal din is-sena tant mistennija, u qegħdin jagħtu kontribuzzjoni biex il-Belt tkompli ssir belt brijuża u mimlija enerġija, differenza kbira mit-telqa li kellha qabel meta n-nies ma kienux ifittxuha bħalma jfittxuha llum.
Bis-saħħa ta’ avveniment bħal-Valletta 2018, pajjiżna se jsir aktar popolari barra minn xtutna Il-pożizzjoni strateġika tagħna fil-Mediterran hija ta’ għajnuna biex aħna nkunu pont bejn l-Ewropa u l-Afrika. Xhieda ta’ dan huwa l-passat tagħna li jrawwem l-identità unika, Mediterranja u Ewropea. Għandna naraw din iċ-ċelebrazzjoni bħala opportunità biex insaħħu dan il-pont li nħalaq biż-żmien u l-istorja, speċjalment permezz tad-diplomazija kulturali u b’messaġġ ta’ paċi u ċelebrazzjoni. Fost l-aspett artistiku li huwa preżenti fil-programm ta’ din is-sena, hemm ukoll attenzjoni speċjali u partikolati lejn l-identità kulturali tagħna.
Dan il-Gvern dejjem kellu strateġija mmirata biex il-kultura tkun disponibbli u aċċessibbli għal kulħadd, għalhekk qegħdin isiru bosta affarijiet biex inkomplu nkabbru u nkattru l-kultura madwar il-gżejjer tagħna. Filfatt, iċ-ċelebrazzjonijiet u l-avvenimenti relatati ma’ Valletta 2018 se jseħħu madwar Malta u Għawdex ukoll. Dan jidher biċ-ċar f’dawn l-aħħar snin, permezz ta’ inizjattivi bħal Teatru Malta, li għandha l-għan u l-mandat li topera fil-komunitajiet tagħna, kif ukoll l-kollaborazzjoni mill-qrib mal-Għaqda Każini tal-Banda, permezz ta’ ftehim ta’ kollaborazzjoni għall-preservazzjoni, ir-restawr, ir-riabilitazzjoni u r-rinnovazzjoni ta’ beni mobbli u strutturi differenti li huma proprjetà ta’ każini differenti madwar Malta u Għawdex. Dan ix-xogħol kollu huwa possibbli li jsir minn fondi allokati apposta mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
X’se jiġri wara din is-sena? M’aħniex se nieqfu hawn. Permezz tal-impatt li se tħalli l-Kapitali Ewropea tal-Kultura għandna sisien sodi biex inkomplu nibnu legat b’saħħtu f’dan is-settur. Valletta 2018 huwa l-punt tat-tluq. Maż-żmien dejjem qegħdin niskopru kemm pajjiżna joffri talent u l-għan u d-dmir tagħna huwa li nrawwmuh biex kemm jista’ jkun nesponu t-talent li għandna. Dan kollu li qiegħed isir f’din is-sena mimlija se jkun il-bidu ta’ avvenimenti li nixtiequ u għandna nibqgħu naraw il-frott tagħhom tuil is-snin- b’dan il-mod qegħdin nagħtu kontribut biex il-belt kapitali tagħna tkompli ssir ċentru artisiku li jattira kemm il-Maltin u l-Għawdxin kif ukoll il-barranin.
Comments