“Il-varjetà kbira flimkien mal-kwalità għolja ta’ dawn il-festivals ikomplu jarrikkixxu l-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna, kif ukoll qegħdin jagħtu inizjattiva lill-industrija lokali, jsaħħu t-tikketta globali Maltija bħala destinazzjoni eċċellenti għall-festivals, kif ukoll tal-awtentiċità u l-ospitalità tagħna bħala pajjiż fejn in-nies jistgħu jivjaġġaw u jgawdu l-forma tal-arti favorita tagħhom”, enfasizza l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt it-tnedija tal-erba’ festivals għas-sajf fi ħdan Festivals Malta.
Il-Ministru Bonnici laqa’ b’entużjażmu l-effett pożittiv li dawn il-festivals qed jagħmlu fuq il-kalendarju kulturali Malti.
Huwa kompla jgħid li, “aħna bħala Gvern nemmnu bis-sħiħ fis-settur kulturali li apparti li huwa settur affaxxinanti, huwa wkoll niċċa ekonomika emerġenti li tista’ tagħti kontribut ekonomiku kbir.”
Dawn il-festivals jinkludu l-Malta World Music Festival, l-Għanafest, il-Malta International Arts Festival u l-Malta Jazz Festival.
“Fin-natura tagħhom, il-festivals iservu ta’ pjattaforma għall-artisti,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall. Festivals Malta mhux biss qed joffri pjattaforma għat-talent lokali, imma permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali, qed “inressqu ideat ġodda u innovattivi lejn Malta.”
Id-Direttur ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala kellha kliem ta’ tifħir għas-solidità u uniformità li t-tikketta ta’ Festivals Malta ġġib lil dawn il-festivals, li jaqgħu kollha taħt ir-responsabbiltà tagħha. F’din is-sena speċjali, waqt li hawn il-lenti fuq pajjiżna permezz tal-Kapitali tal-Kultura, Stivala ġibdet ukoll l-attenzjoni fuq wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ Festivals Malta, li hija li żżid l-udjenzi lokali bl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet li jiġbdu n-nies. Hi qalet li “l-viżjoni ta’ Festivals Malta hija li tkattar il-kreattività, il-professjonaliżmu, il-parteċipazzjoni u l-edukazzjoni kulturali fil-festivals u fl-arti performattiva. Aħna eċitati li qegħdin inniedu dawn l-erba’ festivals li se jibdew il-proċess sabiex iseħħu dawn l-għanjiet importanti.”
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, tnieda l-line-up tal-ewwel festival , il-Malta World Music Festival li jiċċelebra d-diversità kulturali permezz tal-mużika u li se jittella’ fil-Forti Sant’ Iermu fit-18 u d-19 ta’ Mejju.
Għanafest – il-festival tal-mużika folkloristika Maltija li jiċċelebra wkoll l-identità Mediterranja, se jsir fit-22 u t-23 ta’ Ġunju fi Ġnien l-Argotti l-Furjana. Ftit wara jkun hemm il-Malta International Arts Festival li se jibda fis-29 ta’ Ġunju, u jintemm fil-15 ta’ Lulju.
Il-festivals tas-sajf jagħlqu bil-Malta Jazz Festival, li se jittella’ bejn is-16 u l-21 ta’ Lulju. Dawn is-sitt ijiem se jkunu mimlija b’ħafna stili mid-dinja tal-jazz.
Għal din it-tnedija, kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista.
Għal aktar informazzjoni żur www.festivalsmalta.org
Comments