Il-qasam tal-ġustizzja u l-effiċjenza tal-Qrati Maltin kienu diskussi waqt il-laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, Helena Dalli, qalet li dan is-settur, apparti li huwa kruċjali għad-demokrazija ta’ pajjiż, iħalli effett dirett fuq l-investiment li jsir f’ pajjiżna u għalhekk l-imsieħba soċjali għandhom ikunu infurmati fuq il-kwalità tas-sistema ġudizzjarja tagħna u l-effiċjenza li biha l-każijiet kummerċjali u ċivili jinqatgħu. Il-Ministru Dalli fakkret li l-Unjoni Ewropea, fil-passat, kienet tikkummenta u tikkritika l-effiċjenza tal-Qrati Maltin iżda qed tinnota progress.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici kellem lill-imsieħba soċjali dwar l-isforzi li qed isiru u l-inizjattivi li ġew implementati fl-aħħar ħames snin biex jitjiebu l-effiċjenza, il-kwalità, l-indipendenza, u l-imparzjalità tal-Qrati Maltin. Il-Ministru Bonnici aċċenna li r-riżultati juru li r-riformi li wettaq il-Gvern s’issa qed iħallu effett pożittiv. Qal li dawn ir-riformi se jissoktaw biex is-sistema tal-ġustizzja tkun dejjem ahjar.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali, Aaron Farrugia tkellem dwar l-analiżi tal-aġenziji ta’ kreditu internazzjonali Fitch u DBRS. Hu qal li ħa nota tal-analizi u hu sodisfatt jara referenza għall-fatt li Malta tosserva u tgħaddi mill-indikaturi kollha ta’ governanza, punt li għamlet l-OECD dwar Malta ftit tal-ġimgħat ilu. Farrugia qal li wieħed għandu jieħu nota wkoll tal-isfidi elenkati, fosthom l-exposure li pajjiżna għandu għall-klima internazzjonali u s-sostenibilità tal-pensjonijiet f’pajjiżna. Is-Segretarju Parlamentari saħaq li hu ta’ sodisfazzjon għalih jara li hemm referenza pożittiva għar-riformi li qed isiru fil-pajjiż, fejn fost l-oħrajn dawn qed isiru bil-programm t’appoġġ għar-riformi strutturali. Hu għalaq billi qal li l-analiżi tal-aġenziji ta’ kreditu internazzjonali se jkunu fuq l-aġenda tal-MCESD fil-ġimgħat li ġejjin.
Waqt t-tieni parti tal-laqgħa l-imsieħba soċjali kienu ppreżentati wkoll b’rendikont tal-proċess tal-Open Government Partnership u t-tielet programm t’Azzjoni Nazzjonali ta’ Malta. Programm li l-Ministru Helena Dalli ddeskrivietu bħala impenn ieħor tal-Gvern favur iktar effiċjenza u trasparenza. Il-membri tal-MCESD ingħataw dokument b’informazzjoni dettaljata marbuta ma’ dan il-pjan t’azzjoni u l-miżuri li hemm pjanat li jkunu implimentati filwaqt li kienu mħeġġa jagħtu l-feedback jew kontribut tagħhom dwarhom.
Comments