top of page

Programm ġdid ta’ fondi għal sigurtà akbar fil-kmamar tan-nar



Programm ta’ fondi ġdid se jżid is-sigurtà tal-kmamar tan-nar u se jagħti kontribut għat-titjib tal-prodott provdut, speċjalment minħabba r-rwol prominenti li din l-industrija għandha fiċ-ċelebrazzjonijiet u l-kultura Maltija. Fl-istess ħin, se tkun qed tgħin biex dan is-settur isir aktar b’saħħtu u popolari, kemm mal-Maltin kif ukoll mat-turisti li jżuru pajjiżna.

“Filwaqt li l-wirjiet spettakolari li jixegħlu s-sema tagħna huma msemmija għal-livell għoli ta’ artistrija u kreattività, minn wara l-kwinti jkun hemm ħafna xogħol għaddej biex jiġi żgurat li kollox jimxi sew. Dan il-fond qed jitnieda qabel il-bidu tas-staġun tal-festi, biex jibda l-proċess ta’ żieda fis-sigurtà. Dan is-settur huwa wieħed tant għall-qalb il-Maltin u l-Għawdxin, li ta’ kull sena ħafna minnhom ikunu qegħdin jistennew bil-ħerqa li tasal il-festa, kif ukoll dawk li jitpaxxew bir-riżultat ta’ dan ix-xogħol, li huwa popolari wkoll lil hinn minn xtutna”, qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt it-tnedija fil-Fortress Builders.

Il-fond, li joffri finanzjament għall-ħidma tal-kmamar tan-nar Maltin li jaħdmu fuq bażi volontarja, se jalloka fondi sabiex il-kmamar tan-nar itejbu l-infrastruttura tagħhom biex il-voluntiera jkunu jistgħu jaħdmu f’post aktar sigur, kemm waqt il-manifattura kif ukoll waqt il-ħruq tal-istess nar. Il-fond jaħseb ukoll sabiex il-voluntiera jkunu jistgħu jinvestu f’riżorsi li jgħinu sabiex tittejjeb il-kwalità tal-prodott pirotekniku Malti fejn tidħol sigurtà.

Immaniġġjat mill-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, total ta’ €170,000 se jiġu allokati għal dan il-fond fl-2018. Kull kamra tan-nar tista’ tibbenefika minn għotja sa massimu ta’ €5,000. Dawn jistgħu jintużaw kollha għal skopijiet infrastrutturali. F’każ li jkun hemm talba għal spejjeż ta’ natura kurrenti, dawn ma jistgħux jaqbżu l-40% tat-talba u xorta waħda jridu jkunu marbutin mas-sigurtà.

“Il-logħob tan-nar u l-ħiliet artistiċi li jmorru miegħu jagħmlu parti integrali mill-kultura tagħna u sikwit imorru dritt fil-qalba tal-komunità”, qal il-kap eżekuttiv tal-Kunsill Albert Marshall. Il-komunità hija waħda minn ħames miri strateġiċi tas-Strateġija 2020, il-pjan tal-Kunsill Malti għall-arti għas-setturi kulturali u kreattivi sal-2020.

Sabiex ikunu eliġibbli għal dan il-fond, il-kmamar tan-nar iridu joħorġu b’ideat u proposti sabiex jagħmlu restawr tal-kmamar tan-nar infushom; investiment fl-infrastruttura tal-kmamar tan-nar; investiment f’makkinarju u għodda li jiffaċilitaw il-manifattura tan-nar u jagħmlu l-produzzjoni iktar sigura; investiment f’apparat u armar biex jaħarqu n-nar b’mod iktar sigur; investiment f’riżorsi ta’ taħriġ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sigurtà fil-manifattura tan-nar; kif ukoll tisħiħ ta’ kollaborazzjoni bejn il-kmamar tan-nar Maltin.

Il-fond huwa miftuħ għal kmamar tan-nar liċenzjati u reġistrati bħala organizzazzjoni volontarja. F’każ li l-kamra tan-nar tkun tagħmel parti minn għaqda mużikali, din trid tkun reġistrata bħala organizzazzjoni volontarja.

L-applikazzjonijiet eliġibbli kollha se jiġu evalwati minn board ta’ evalwaturi skont il-kriterji stabbiliti fil-linji gwida.

L-applikazzjonjiet jistgħu jinkisbu mill-uffiċċju tal-Kunsill Malti għall-Arti fil-Belt Valletta jew mis-sit elettroniku tal-Kunsill www.artscouncilmalta.org mid-19 ta’ Marzu. L-applikazzjonijiet għandhom jitressqu bl-idejn sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2018 sa nofsinhar.

Comments


bottom of page