top of page

Nesploraw il-passat biex nibnu l-futur tagħna: il-Ministru Bonnici jindirizza konferenza u jniedi es



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici indirizza konferenza relatata mal-proġett FRAGSUS (Fragility and sustainability in restricted island environments: Adaptation, cultural change and collapse in prehistory). Dan il-proġett ta’ riċerka fuq tul ta’ ħames snin tmexxa minn team internazzjonali ta’ xjentisti u arkeologi minn Malta, il-Gran Brittanja u l-Irlanda, wassal għal skoperti ġodda dwar iż-żmien bikri f’Malta u l-abitanti tagħha.

“Dawn l-iskoperti wasslu għal tweġibiet ġodda u qed niskopru aktar dwar l-istorja tagħna, dwar pajjiżna, u dwar il-patrimonju tagħna. L-istorja tagħna hija sors kruċjali ta’ informazzjoni u hija wkoll il-pedament li fuqha qegħdin nibnu l-futur tagħna,” qal il-Ministru Bonnici. Hu enfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni u ddeskrivieha bħala “element ewlieni fejn jidħol approċċ dinamiku u ħolistiku, kif ukoll esponiment. Dawn il-kollaborazzjonijiet, kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell internazzjonali qed jgħinu biex il-patrimonju tagħna jkun aktar aċċessibbli, u huma wkoll mod tajjeb ħafna biex naqsmu l-istorja u l-kultura rikka tagħna. L-istrateġija tal-Gvern hija li jassigura li l-kultura hija aċċessibbli għal kulħadd, aħna nemnu f’dan is-settur vast li dejjem qiegħed jikber, speċjalment fejn jidħol l-impjieg.”

Ftit minn dawn l-iskoperti li ssemmew waqt din il-konferenza kienu li l-ewwel abitanti ta’ Malta waslu madwar is-sena 5900QK, madwar 700 sena aktar kmieni minn kemm ħsibna qabel u li l-gżejjer tagħna raw aktar minn episodju wieħed ta’ kolonizzazzjoni Neolitika. L-istudji dwar id-dieta li saru wrew li beda jonqos il-konsum tal-laħam meta l-kundizzjonijiet ġew agħar, imma l-abitanti bdew jieklu ċ-ċereali u ħaxix ieħor biex isostnu ruħhom. Il-fatt li ma tantx kien jittiekel ħut ittieħdet bħala sorpriża.

Il-Ministru Bonnici għamel referenza wkoll għall-fatt li din is-sena qegħdin niċċelebraw is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali. Diġà kien hemm diversi affarijiet ġodda relatati mal-wirt rikk tagħna din is-sena, fosthom l-inklużjoni ta’ erba’ mapep tal-Assedju l-Kbir fir-Reġistru Dinji tal-Memorja tal-UNESCO, kif ukoll qegħdin inħarsu lejn il-proċess li ninominaw aspetti tal-wirt intanġibbli nazzjonali tagħna fil-lista ta’ fama dinjija tal-wirt intanġibbli tal-UNESCO.

Din il-konferenza ħarset ukoll lejn skoperti arkeoloġiċi u siti partikolari, bħal pereżempju Skorba, Santa Venera u Taċ-Ċawla.

Il-Ministru Bonnici se jniedi wkoll esebizzjoni dwar ir-riżultati ta’ dan il-proġett fil-Mużew Nazzjonali tal-Arekoloġija li se tkun miftuħa b’xejn għall-pubbliku sal-15 ta’ Ġunju.

Comments


bottom of page