Matul l-2018, l-Ewropa qed tiċċelebra l-wirt kulturali vast tagħha madwar l-Ewropa. L-għan tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali huwa li tħeġġeġ iktar nies biex jiskopru u japprezzaw il-wirt kulturali Ewropew.
Din iċ-ċelebrazzjoni ħabtet mas-sena li l-belt kapitali tagħna qiegħda wkoll tiċċelebra t-titlu prestiġjuż tal-Belt Kapitali għall-Kultura, f’sena li fiha l-kultura qiegħda tingħata aktar prijorità fuq livell Malti u Ewropew.
Matul din is-sena se jittellgħu bosta avvenimenti sabiex infakkru din is-sena importanti fl-isfera kulturali.
“Minkejja ċ-ċokon tagħna, pajjiżna għandu ħafna x’joffri fejn jidħlu rikkezzi li għandhom x’jaqsmu mal-wirt kultruali tagħna. L-għan u l-obbligu tagħna huwa li l-pubbliku jkollu għarfien u aċċess għal dawn, għaliex nemmnu bis-sħiħ f’dan is-settur li kulma jmur qiegħed dejjem jagħti l-frott,” tenna l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali waqt it-tnedija ta’ numru ta’ avvenimenti marbuta mas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali.
“Matul dawn l-aħħar ftit snin, aħna stinkajna biex nirrestawraw numru ta’ binjiet u siti kulturali ikoniċi biex inħarsuhom, kif ukoll biex igawdiehom kulħadd. Matul dawn l-aħħar ħames snin, il-Gvern żied il-budget minn €27 miljun fl-2013 għall-€70 miljun f’din is-sena. Dawn il-figuri ma jinkludux proġetti ffinanzjati mill-UE li minnhom ibbenefikajna l-ammont ta’ €41 miljun f’dawn l-aħħar ħames snin,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.
Inizjattiva ewlenija li qiegħda tittieħed madwar l-Ewropa kollha hi li rridu nħeġġu lit-tfal u liż-żgħażagħ jiskopru t-teżori u t-tradizzjonijiet l-iktar prezzjużi tal-Ewropa.
Fil-fatt waħda minn dawn l-attivitajiet hija mmirata għall-istudenti fl-iskejjel sekondarji. L-istudenti huma nkoraġġati biex jiskopru aktar il-wirt kulturali ta’ Malta u Għawdex billi joħolqu proġett b’aspett li għandu x’jaqsam mal-wirt kulturali. Għalhekk qed inħajru l-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex biex kull skola tagħmel proġett marbut mal-wirt kulturali bis-sehem tal-istudenti.
Il-proġetti kollha se jkunu murija f’esebizzjoni organizzata f’Novembru. L-iskoperti tal-istudenti fejn għandu x’jaqsam il-wirt kulturai tagħna se jiġu ppublikati fi ktieb.
Attività oħra li ġiet imħabbra hija kompetizzjoni fotografika nazzjonali. It-tema ta’ din il-kompetizzjoni hija “Wirtna: fejn il-passat jitlaqa’ mal-futur”.
Se jkun hemm bosta premijiet x’jintrebħu għaż-żewġ kompetizzjonijiet. Se jkun hemm ukoll attivitajiet pjanati matul is-sena.
Huma mħeġġa li jipparteċipaw ukoll individwi u soċjetajiet f’din iċ-ċelebrazzjoni. Kull avveniment li jiġi organizzat bl-għan li tissaħħaħ is-sens ta’ appartenenza fejn jidħol il-wirt kulturali tagħna u dak Ewropew jista’ jkollu logo tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali li hu approvat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-UE.
Numru ta’ avvenimenti lokali dwar il-wirt kulturali (fosthom plays tal-passjoni, wirjiet, festi tradizzjonali, teatru, diski Maltin eċċ) li se jittellgħu matul din is-sena jistgħu jkunu parti minn din iċ-ċelebrazzjoni u jistgħu jiksbu dan il-logo prestiġjuż.
Għal aktar informazzjoni dwar l-avvenimenti u l-logo wieħed jista’ jirrikorri għand id-Direttorat tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, kif ukoll jista’ jżur is-sit www.eych2018.gov.mt jew jibgħat email fuq eych2018malta@gov.mt
Comments