top of page

Dħul fis-seħħ ta’ emendi għall-Kodiċi Ċivili dwar kirjiet ta’ postijiet kummerċjali



Illum daħal fis-seħħ l-Att VIII tal-2018 li jemenda l-Kodiċi Ċivili u li bih, persuni li jkunu qegħdin imexxu n-negozju tagħhom minn post mikri mingħand persuna li kienet hi stess inkwilin u li t-titolu tagħhom jispiċċa b’liġi fil-31 ta’ Mejju 2018 qegħdin jingħataw id-dritt li jitolbu lill-Bord li Jirregola l-Kera li jitħallew jibqgħu jmexxu n-negozju tagħhom mill-istess post għal massimu ta’ għaxar snin.

Dan l-att ġie approvat b’mod unanimu fil-Kamra tad-Deputati.

Il-kundizzjonijiet li taħthom tkun tista’ tissokta l-okkupazzjoni tal-post jiġu ffissati mill-Bord li Jirregola l-Kera u dawk il-kundizzjonijiet (inkluż l-ammont ta’ kera) għandhom isibu bilanċ xieraq bejn l-interessi tas-sid u tal-persuna li jkollha l-kirja oriġinali kif ukoll ta’ dawn il-persuni li attwalment imexxu n-negozji tagħhom minn dawn il-postijiet.

Din l-inizjattiva leġiżlattiva ttieħdet biex tipproteġi n-negozji li huma s-sors tal-qliegħ tal-għejxien għas-sidien u għall-impjegati tagħhom u ta’ attività ekonomika filwaqt li jittieħed kont xieraq ukoll tad-drittijiet tal-proprjetarji u tal-persuni li għandhom titoli oħra ta’ pussess tal-proprjetajiet in kwistjoni.

Il-gvern ifakkar lil kull min għandu interess li dik li jipprospetta l-Att VIII tal-2018 mhijiex estensjoni awtomatika. Minflok, biex tkun tista’ ssir l-estensjoni, min hu interessat irid jagħmel talba speċifika lill-Bord li Jirregola l-Kera sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju ta’ din is-sena.

Comments


bottom of page