L-20 edizzjoni ta’ Għanafest tnediet waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum San Girgor fiż-Żejtun, ftit qabel ma komplew l-attivitijiet tal-istess festa f’Marsaxlokk. Il-festival jiċċelebra l-mużika u l-kant tradizzjonali Malti u barrani waqt li jippromwovi artisti Maltin li jipproduċu mużika Maltija. Din is-sena l-festival se jmur lura fil-post li oriġinarjament kien jittella’ – il-Ġnien Botaniku tal-Argotti, wara li ġie rinovat matul is-sena li għaddiet.
“Il-gżejjer tagħna huma mogħnija b’wirt u kultura imprezzabbli u l-Għanafest huwa ċelebrazzjoni tal-wirt mużikali folkloristiku tagħna bħala ġżira f’kuntest Mediterran. Din is-sena Għanafest se jittella’ f’numru ta’ lokalitajiet differenti sabiex nippromwovu kultura aċċessibbli għal kulħadd. Dawn il-festivals qegħdin jattiraw parteċipazzjoni dejjem akbar u joħolqu apprezzament ġdid għat-tradizzjonijiet mużikali u kulturali Maltin,” enfasizza l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici.
Id-Direttur ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, qalet li “dis-sena ser iniedu proġett fuq tliet snin mal-grupp mużikali SKALD, li se jġedded l-għana. Il-poeżija u l-mużika se jingħaqdu biex tinħoloq xi ħaġa ġdida waqt li l-għeruq tradizzjonali jibqgħu jiġu rispettati. Essenzjalment il-proġett se jħaddan it-tradizzjonali mal-kontemporanju. Festivals Malta se tinvesti f’dan il-proġett, bil-għan li tinkoraġixxi t-tradizzjoni u tappoġġa talent ġdid waqt li tagħmel din it-tradizzjoni aktar attraenti għal udjenzi żgħar.”
Il-festival se jittella’ nhar il-Ġimgħa 22 u s-Sibt 23 ta’ Ġunju mis-7pm ’il quddiem u jinkludi programm varjat ta’ għana u mużika fuq iż-żewġ iljieli. L-ispettaklu jinkludi wkoll lill-kantanta Cheryl Balzan, li flimkien mal-kitarrist u kantawtur Christian Tanti, se jsemmgħu lill-udjenza l-kanzunetti tal-album ġdid tagħhom matul l-ewwel lejl. Warajhom jesebixxu Kellys Heroes, grupp mużikali bbażat f’Nottingham - li r-repertorju tagħhom ivarja minn melodiji u kanzunetti Keltiċi mgħaġġlin għal ballati ġentili, kanzunetti kontemporanji kif ukoll xogħol oriġinali - li jdoqquhom fuq il-kunċertina, kitarra ritmika u bodhran(tambur Irlandiż).
Matul it-tieni lejl jieħdu sehem SKALD, kwintett li ngħaqad m’ilux, biex jagħti l-ħajja lil-letteratura u l-kultura Maltija bit-taħlita tagħhom ta’ mużika oriġinali. Warajhom se jdoqqu Seiva, trio folk Portugiż li jużaw żaqq u adufe (tanbur kwadru) Portugiżi, perkussjonijiet, braguesa, tanbur u cavaquinho biex iwasslu mużika rurali mħallta ma’ dik urbana.
Bħalma sar f’edizzjonijiet passati, fil-festival se jkun hemm ukoll ikel u artiġjanat lokali li jkompli jagħmel dan l-avveniment il-ħarġa ideali għall-familja kollha.
Id-Direttur Artistiku Renzo Spiteri qal: “Kuntent ħafna li Għanafest se jirritorna fil-Ġnien tal-Argotti, il-Furjana. Dan il-festival kiseb l-attenzjoni mistħoqqa mhux biss minħabba l-kontenut partikulari tiegħu imma wkoll minħabba l-atmosfera maħluqa fost dawn il-ġonna sbieħ. Għanafest ikompli bl-impenn tiegħu li jippromwovi l-għana Maltija lil udjenzi usa’, waqt li jippreżenta taħlita interessanti ta’ kantanti, kantawturi u artisti folkloristiċi minn Malta u barra.”
Bħas-sena li għaddiet Għanafest se jestendi l-attivitajiet tiegħu fi tliet lokalitajiet oħra: il-Qrendi, il-Buskett u Birżebbuġa. Fis-27 ta’ Mejju se tittella’ l-Festa Agrarja fil-Qrendi u fost l-attivitajiet varji tagħha se jkun hemm ukoll l-għana. Il-festival ikompli jiċċelebra l-għana waqt l-attivitajiet tal-Imnarja fil-Buskett fit-28 ta’ Ġunju filgħaxija u filgħodu tad-29 ta’ Ġunju. Dakinhar tal-festa pubblika, l-għana se tittella’ wkoll f’Birżebbuġa.
Il-biljetti għal Għanafest tat-22 u t-23 ta’ Ġunju jinxtraw mill-bieb għal €3 għal kull lejl, waqt li l-attivitajiet l-oħra huma kollha bla ħlas.
Għal iktar tagħrif ċempel lil Festivals Malta fuq 2339 7000 jew żur www.għanafest.com
Comments