top of page

Approvat unanimament fi stadju ta’ kumitat l-abbozz ta’ liġi li jagħti libertajiet bla preċedent lil



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici sostna li l-approvazzjoni, b’mod unanimu, ta’ abbozz ta’ liġi dwar il-media u malafama fi stadju ta’ kumitat huwa pass storiku li jagħti libertajiet bla preċedent lill-ġurnalisti u l-media practitioners. Il-Ministru Bonnici sostna li dan il-pass isegwi riforma oħra, għaldaqstant kruċjali, li kienet saret fl-aħħar leġiżlatura li bis-saħħa tagħha twessgħet f’livelli b’saħħithom ħafna l-libertà tal-espressjoni artistika.

“B’dawn iż-żewġ riformi,” qal il-Ministru Bonnici, “pajjiżna verament fetaħ b’mod f’saħħtu l-bibien għal iktar libertà tal-espressjoni u allura demokrazija iktar b’saħħitha.”

Huwa qal li l-abbozz ta’ liġi dwar il-media u l-malafama, li issa mistenni jidħol fis-seħħ fil-jiem li ġejjin, se jġib 18-il bidla ewlenija.

Dawn huma:

1. Biex kliem jitqies bħala libelluż irid ikun kliem li jikkawża jew li x’aktarx jikkawża ħsara serja lir-reputazzjoni tal-persuna. Dan jiskoraġġixxi l-kawżi dwar libell jew inġurja fuq stqarrijiet mhux tant ta’ konsegwenzi gravi għar-reputazzjoni; 2. Id-difiżi fl-azzjonijiet dwar libell qegħdin jiġu msaħħa biex jiġu aġġornati skont l-aħħar ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fl-istess ħin se tkompli tiġi protetta l-privatezza ta’ individwi privati b’ dan iżda illi din il-protezzjoni ma testendix għall-figuri pubbliċi fejn dak li jingħad ikollu rilevanza sinifikanti fuq it-twettiq tal-funzjonijiet pubbliċi tal-individwu;

3. Il-lista ta’ pubblikazzjonijiet li jirrapportaw dwar avvenimenti li huwa fl-interess pubbliku li l-pubbliku jkun mgħarraf dwarhom, u li huma għalhekk se jgawdu minn iktar libertajiet, se tiġi estiża; 4. Ir-reati kriminali kollha se jitneħħew mil-liġi dwar il-media u l-ftit li se jinżammu se jiġu trasportati fil-Kodiċi Kriminali. Fil-fatt lista sħiħa ta’ reati fil-Kodiċi Kriminali li jinċidu fuq il-libertà tal-espressjoni se jiġu mneħħija; 5. L-ammont ta’ danni li jista’ jingħata f’kawża ta’ libell se jibqa’ l-istess kif stabbilit illum fl-Att dwar l-Istampa (EUR 11,640); 6. Il-malafama li ssir bil-kliem u mhux bil-pubblikazzjoni mhux se tibqa’ reat kriminali iżda se tkun tagħti lok għal azzjoni ċivili fejn l-ammont massimu ta’ danni li jista’ jingħata huwa ta’ EUR 5000; 7. Fis-smigħ tal-kawżi ta’ libell u inġurja se jiġu nkorraġġuti l-mezzi alternattivi ta’ tmiem u transazzjoni ta’ litiġji bħal ma huma f’dawn il-każijiet l-medjazzjoni; 8. Fl-iffissar tad-danni il-Qorti se tkun obbligata wkoll li tqis l-effett illi dak il-ħlas tad-danni jkollu fuq il-persuna li se tkun ordnata tħallas. Dan biex tiġi salvagwardjata aħjar il-proporzjonalità fil-qasam tal-media; 9. L-edituri ta’ siti elettroniċi se jkollhom difiżi addizzjonali għal dawk tal-edituri tal-istampa miktuba jew tax-xandir minħabba n-natura speċifika tas-siti li jilqgħu kummenti mill-pubbliku;

10. Meta stqarrija tkun diġà ġiet pubblikata jew meta l-istess stqarrija tiġi pubblikata ħafna drabi se japplikaw regoli partikolari dwar il-preskrizzjoni u l-azzjoni kumulattiva;

11. Id-dritt għar-risposta se jibqa’ iżda n-nuqqas ta’ rispett ta’ dan id-dritt se jagħti lok għal rimedju ċivili u mhux għal rimedju kriminali; 12. Se jidħol artikolu ġdid dwar il-malafama ta’ persuni mejta li jkollha effett fuq persuni li jkunu għadhom ħajjin; 13. Ir-reġistrazzjoni tal-edituri u l-pubblikaturi se tkun fuq bażi volontarja u mhijiex se tapplika għall-edituri u pubblikaturi ta’ siti elettroniċi. Se jkun hemm ukoll il-possibilità li r-Reġistru tal-Media jitmexxa mill-media stess; 14. Minħabba s-sensittività tal-liġijiet dwar il-media, r-regolamenti li jsiru taħt din il-liġi se jkun jinħtieg illi jiġu approvati b’ riżoluzzjoni tal-Parlament qabel ma jidħlu fis-seħħ; 15. Il-protezzjoni tas-sorsi tal-informazzjoni se tkun tapplika għal kull editur, pubblikatur, awtur jew operatur ta’ sit elettroniku jew ta’ xandir; 16. Il-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili se jiġi emendat biex ma jkunux jistgħu jinħarġu ebda tip ta’ mandati kawtelatorji f’kawżi ta’ libell; 17. L-Att biex jirregola l-Kommunikazzjonijiet Elettroniċi se jkun emendat biex kliem sempliċement malafamanti li jkun intwera jew ġie mitkellem fuq sit elettroniku u li dwaru tkun tista’ tittieħed azzjoni taħt l-Att dwar il-Media u l-Malafama ma jkunx jikostitwixxi reat kontra dak l-Att; 18. Il-kawżi ta’ libell kriminali li jkunu pendenti fiż-żmien meta l-liġi l-ġdida tidħol fis-seħħ se jispiċċaw.

Il-Ministru Bonnici rringrazzja lill-istakeholders kollha, inkluż l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin u l-Front Kontra ċ-Ċensura tal-appoġġ u l-feedback kostruttiv tagħhom. Dwar il-proposti tal-Oppożizzjoni dwar l-infurzar ta’ sentenzi miksuba f’pajjiżi esteri, il-Ministru fakkar kif il-Gvern kiseb erba’ pariri differenti minn esperti legali ewlenin fis-settur - liema pariri ġew ippubblikati mill-ewwel - li sostnew li l-prosposti tal-Oppożizzjoni għandhom difetti legali kbar ħafna.

Huwa fakkar li l-Oppożizzjoni għadha sal-lum ma ppubblikat ebda parir li b’xi mod jagħti sostenn lill-proposti tagħha. Huwa qal li bis-saħħa tar-riformi progressivi li wettaq dan il-Gvern il-qasam tal-libertà tal-espressjoni mar ’il quddiem f’livelli bla preċedent.


Comments


bottom of page