Għar-raba’ sena konsekuttiva r-Reġjun Nofsinhar se jtella’ l-attività bl-isem ‘Festa Nar’. F’din l-attività se jipparteċipaw 20 kamra tan-nar mill-14-il lokalità fi ħdan dan ir-reġjun. Kif inhu evidenti minn edizzjonijiet preċedenti, din l-attività hi popolari ħafna fost il-pubbliku.
Waqt it-tnedija tal-attività, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li ‘Festa Nar’ hi turija ta’ x’kapaċi jagħmlu l-20 kamra tan-nar mill-14 il-lokalità fi ħdan ir-Reġjun Nofsinhar li għalih il-pubbliku jattendi bi ħġaru. Il-Ministru sostna li permezz ta’ avvenimenti ta’ dan it-tip qed inressqu l-kultura aktar qrib il-pubbliku. Żied jgħid li l-logħob tan-nar hu għal qalb bosta u hu popolari mal-Maltin u mal-Għawdxin kif ukoll ma’ barranin li meta jiġu jżuruna jfittxu li jaraw spettakli ta’ dan it-tip.
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll is-Segretaraju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis li qal li dan ir-reġjun qed jagħti wkoll is-sehem attiv tiegħu fiż-żamma tat-tradizzjonijiet kulturali ta’ pajjiżna biex jiġu mgħoddija lill-ġenerazzjoni tal-lum u b’hekk ma jintilfux. Silvio Parnis qal li r-reġjuni huma fuq quddiem nett fir-riforma li se ssir fi ħdan il-kunsilli lokali li se jkollhom irwoli definiti u aktar responsabbiltajiet kif ukoll riżorsi meħtieġa biex jaqdu l-funzjonijiet tagħhom.
Din is-sena ‘Festa Nar’ se ssir nhar is-Sibt 5 ta’ Mejju fil-bypass tal-Imqabba mid-9:00pm sal-11:00pm.
Comentarios