top of page

Kultura fil-komunitajiet – l-Għanafest tingħaqad mal-festival gastronomiku tal-Qrendi



Il-Kunsill Lokali tal-Qrendi bil-kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u Festivals Malta, se jkun qiegħed jorganizza s-sitt edizzjoni tal-Festival Agrarju tal-Patata. Dan il-festival se jkun organizzat nhar il-Ħadd 27 ta’ Mejju 2018 mit-8:00 ’l quddiem f’Misraħ il-Maqluba, il-Qrendi.

“Dan il-festival, li jifforma parti miċ-ċelebrazzjoni tal-edizzjoni tal-Għanafest għal din is-sena fi ħdan Festivals Malta, huwa eżempju ċar tal-popolarità li festivals ta’ dn it-tip qegħdin ikollhom. Aħna rridu li l-kultura tkun aċċessibbli għal kulħadd kemm jista’ jkun, u permezz ta’ festival agrarju - il-gastronomija Maltija, speċifikament dik li għandha x’taqsam ma’ prodott Malti - qegħdin noffru ċ-ċans ta’ aktar għarfien dwar dan il-prodott, kif ukoll il-proċess li jgħaddi minnu,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.

Waqt din il-konferenza kien hemm ukoll preżenti s-Segretaraju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet fejn tenna li jinnota b’sodisfazzjon li l-Kunsill Lokali tal-Qrendi qiegħed jagħti s-sehem attiv fiż-żamma tat-tradizzjonijiet lokali u kif ukoll tat-tradizzjonijiet Maltin. Silvio Parnis tenna wkoll li bit-tisħiħ li se jkun hemm fil-Kunsill Lokali permezz ta’ riforma fi ħdanhom, in-nies se jibdew jaraw aktar bidla pożittiva fil-lokalitajiet tagħhom u b’aktar stima u poteri lill-Kunsill Lokali u lis-Sindki tagħna se nkunu qegħdin inwasslu sabiex verament f’pajjiżna jkollna gvern lokali.

Waqt dan il-festival, l-importaturi u l-esportaturi Qrendin se jkunu qegħdin jesebixxu u jbigħu l-prodott tagħhom, filwaqt li jagħtu informazzjoni lil dawk preżenti dwar liema tip ta’ patata tintuża għall-platti differenti. Barra minn hekk, wieħed ikun jista’ jara mill-qrib il-makkinarju li jintuża sabiex tinżera u tinqala’ l-patata, kif ukoll makkinarju li bih tintagħżel il-patata qabel tasal fil-ħwienet jew inkella tiġi esportata barra l-pajjiż. L-ikel disponibbli waqt dan il-festival se jkollu t-tema ta’patata. Se jkun hemm ukoll ġelat magħmul mill-patata.

Matul il-ġurnata kollha, se jkun hemm is-servizz ta’ fun train li se tkun qiegħda ddawwar lil dawk li jixtiequ madwar postijiet panoramiċi fil-Qrendi, fejn anke b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta, min jattendi għall-Festival jista’ jieħu token li permezz tiegħu jżur it-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra għall-prezz imraħħas ta’ €2 biss.

Din l-edizzjoni se jkollha l-Għana tradizzjonali Malti assistit minn żeffiena tal-flamenco, diversi kantanti fosthom Christabelle u Corazón, it-tberik tal-annimal, wirja mill-klieb tal-Pulizija, esebizzjoni ta’ madwar mitt karozza fil-bypass tal-Qrendi, fost ħafna avvenimenti oħra.

Kommentare


bottom of page