top of page

Opra unika tittellgħa fit-Teatru Manoel – ‘Cendrillon’



Cendrillon (Cinderella), it-tielet opra fil-programm ta’ din is-sena, se tittellgħa fit-Teatru Manoel nhar it-28 u t-30 ta’ Ġunju. L-opra ġiet komposta mill-Malti Nicolò Isouard f’Pariġi fl-1810, fejn Cendrillon issaħħar l-udjenza bit-tjubija tagħha u bħalma jiġri fil-ġrajja oriġinali, jirbaħ is-sewwa. F’din l-opra naraw ukoll lis-soprana Maltija Claire Debono fil-parti prinċipali ta’ Cendrillon.

“Din l-opra tissottolinea wkoll l-importanza ta’ sinerġiji attivi mas-settur privat minħabba li hi ko-sponsorjata minn konsorzju internazzjonali li verament jemmen fil-potenzjal tal-kultura Maltija. L-impenn tagħna hu li nibqgħu nrawmu inizjattivi u sinerġiji ta’ din l-għamla biex inressqu lejn pajjiżna aktar spettakli tal-ogħla livell li jarrikkixxu l-kalendarju kulturali tagħna u jpoġġu lil Malta fuq il-mappa internazzjonali tat-turiżmu kulturali”, qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Filwaqt li t-tmiem pożittiv tal-istorja ta’ Cinderella hu ġeneralment maħbub u apprezzat mill-udjenza dinjija, l-adattament tat-Teatru Manoel għandu bidla rinfreskanti mill-istorja tradizzjonali. Għall-ewwel darba, Cinderella se tkun qed tgħix fis-snin sittin, liebsa ħwejjeġ ta’ dak iż-żmien u tkanta noti għoljin.

Id-direttur artistiku tat-Teatru Manoel Kenneth Zammit Tabona nnota li, “Is-sena 2018 timmarka l-mitejn sena mill-mewt ta’ Isouard u hi wkoll is-sena li fiha l-Belt Valletta hi l-Kapitali Ewropea tal-Kultura u b’hekk kienet konklużjoni naturali li ninkludu l-opera l-aktar popolari ta’ Isouard Cendrillon fil-programm tat-teatru nazzjonali”.

It-Teatru Manoel hu kommess li jġib l-ifjen spettakli f’pajjiżna u hu għalhekk li t-teatru nazzjonali Malti qed kontinwament jinvesti fl-ispettakli li jsaħħu t-talent Malti. Minħabba li t-talent ta’ Isouard iffjorixxa f’Pariġi, dan l-ispettaklu partikolari involva kollaborazzjoni ma’ konsorzju Franċiż li huma ta’ benefatturi għal din l-opra biex l-udjenza tapprezzaha.

Ringrazzjament speċjali jmur għall-Ambaxxata u għall-Ambaxxatriċi Franċiża għall-appoġġ kontinwu tagħhom fejn jidħlu koperazzjonijiet internazzjonali ta’ dan it-tip.

Din l-opra se tittellgħa bil-Franċiż bis-surtitling bil-Malti u bl-Ingliż. Għal aktar informazzjoni u dwar biljetti żur https://www.teatrumanoel.com.mt/default.asp?m=shows&id=731

Comments


bottom of page