“Il-Bieb ta’ Hompesch huwa monument rinomat għal Ħaż-Żabbar u għal pajjiżna. It-tlestija mir-restawr tiegħu huwa eżempju ċar li l-Gvern huwa impenjat sabiex jippreserva monumenti u siti, speċjalment dawk li jġorru magħhom sinifikat storiku li jiddefenixxu l-passat tagħna, il-pedament li pprovdilna legat kulturali rikk. Permezz ta’ dawn il-proġetti qegħdin insaħħu l-prodott kulturali tagħna,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
Dan il-proġett ta’ restawr twettaq riċentament mid-Direttorat tar-Restawr, fi ħdan il-Ministeru, taħt l-iskema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali (2017).
Preżenti waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis li sostna li l-Bieb ta’ Hompesch huwa wirt storiku importanti kemm għal Ħaż-Żabbar kif ukoll għal pajjiżna u għalhekk huwa importanti li nieħdu ħsiebu. Parnis faħħar skemi bħal dik tax-Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali, u qal li l-kunsilli għandhom d-dmir li jżommu l-kultura tal-lokalitajiet ħajja u li jinvestu fil-komunitajiet tagħna. Huwa għalhekk kruċjali li l-Kunsilli Lokali japplikaw għal dawn l-iskemi li l-għan tagħhom wara kollox huwa li jassistuhom.
Il-Bieb ta’ Hompesch inbena fl-1801 b’inizjattiva tan-nies ta’ Ħaż-Żabbar ad unur il-Gran Mastru John Ferdinand Von Hompesch zu Bolheim li fl-1797 iddikjara lil Ħa-Żabbar bħala belt bit-titlu ta’ Citta Gratiosae Hompesch. Dan il-Bieb inbena fuq stil neoklassiku, u ż-żewġ faċċati tiegħu, dik tal-Lvant u dik tal-Punent, ingħataw trattamenti arkitettoniċi differenti. L-importanza storika ta’ dan il-Bieb hija kkonfermata bl-inklużjoni tiegħu fil-Lista ta’ Antikitajiet Nazzjonali tal-1925, bl-iskedar tiegħu bħala monument nazzjonali tal-ewwel Grad u bl-inklużjoni tiegħu fl-Inventarju Nazzjonali tal-Proprjetà Kulturali tal-Gżejjer Maltin.
Ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-post bdew f’Ottubru 2017 u tlestew f’Mejju 2018. Il-ħsara prinċipali kienet ġejja minn movimenti strutturali li seħħew matul iż-żmien f’partijiet varji. Xhieda ta’ dan kien l-preżenza ta’ qsim strutturali tul l-intrados u l-ġnub tal-arkata, ċaqliq fis-samrotti tal-faċċata tal-Lvant u ta’ ġebel ieħor u l-qsim ta’ oħrajn. Waqt dan il-proġett ta’ restawr saru diversi interventi ta’ konsolidazzjoni strutturali li kienu jinkludu injezzjonijiet fil-ħxuna tal-arkata b’taħlita speċjalizzata ta’ ġir, il-mili ta’ konsenturi bil-ġir jew epoxy u bl-użu ta’ vireg apposta tal-carbon fibre, ħatt temporanju u rikostruzzjonijiet lokalizzati ta’ żoni mhux stabbli.
Ix-xogħol tar-restawr ġie wkoll estiż għat-tneħħija ta’ inserzjonijiet tal-metall mhux bżonnjużi, cables, wires eċċ, it-tindif tal-wiċċ tal-ġebla mill-ħmieġ akkumulat matul is-snin, it-tneħħija ta’ kisi u tikħil tas-cement, il-konsolidazzjoni superfiċjali tal-ġebla u t-tikħil mill-ġdid ta’ fili miftuħin.
コメント