top of page

Il-kultura fil-komunità - Imniedi l-ktieb “l-Isqaq tal-Kappillan” f’Ħal Għaxaq



Il-Minsitru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici għadu kif nieda l-ktieb ‘Is-Sqaq tal-Kappillan’ ta’ Twanny Agius.

“Il-lokalitajiet tagħna huma uniċi bil-mod tagħhom, bit-tradizzjonijiet u karatteristiċi partikolari tagħhom. L-istorja tagħhom hija aspett essenzjali li fforma l-preżent u l-futur u huwa obbligu tagħna li nippreservaw l-istorja tagħhom għall-ġenerazzjonijiet futuri,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt it-tnedija.

Hu rrefera wkoll għall-ispirtu tal-komunità li huwa parti intrinsika li jifforma l-kultura lokali tagħna.

Dan il-ktieb huwa dwar sqaq fir-raħal ta’ Ħal Għaxaq u jitratta l-memorji ta’ żmien il-ħamsinijiet u s-sittin, u kif ir-residenti tiegħu qattgħu ċkunithom fih, bis-sempliċità u l-kreattività tat-tfal ta’ dawk iż-żminijiet.

Agius twieled u għex f’dan l-isqaq u ra tibdil kbir maż-żmien. Hu jagħmel referenza għal-logħob li kienu jilgħabu, l-avventuri u l-familji numerużi li kienu jghixu f'dan l-isqaq, bil-laqmijiet u l-membri tal-familji tagħhom.

Din l-informazzjoni nġabret matul is-snin, sew mill-familjari u dawk li kienu jgħixu f’dan l-isqaq, kif ukoll dawk il-ftit li għadhom jgħixu fih.

Ma jonqsux ukoll xi ritratti li Twanny Agius stess ġibed tul iz-zmien li jirrakkontaw xi avveniment jew storja b'konnessjoni mal-Isqaq tal-Kappillan.


Comments


bottom of page