Ix-xahar ta’ Ġunju jimmarka sena mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura, xahar li ġab miegħu avvenimenti u inizjattivi li saru b’enerġija biex bħala Gvern inkunu dejjem aktar qrib tal-komunità u nsaħħu l-effiċjenza u l-aċċessibbiltà tas-servizzi u inizjattivi li jsiru. Avvenimenti li juru li l-Gvern huwa magħqud b’viżjoni waħda: tim wieħed.
Anki fil-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali kellna xahar mimli u mżewwaq b’xogħol fil-qasam tal-ġustizzja u wkoll dak kulturali.
Kien ta’ sodisfazzjon kbir l-eżitu tal-laqgħa li kelli mal-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Věra Jourová li kkonfermat l-interpretazzjoni tal-Gvern Malti dwar il-proposta tal-Oppożizzjoni dwar is-SLAPP. Dan juri biċ-ċar li l-istqarrija tal-Membru Parlamentari David Casa hija biss spin politiku biex jgħatti l-faqar ta’ raġunament tal-Oppożizzjoni. Fi stqarrija fakkart li fejn jidħlu sentenzi li jitwieldu minn kawżi miftuħa f’ġurisdizzjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea, il-liġi tagħna diġà tipprovdi li l-ġurnalisti jiġu protetti jekk dawn il-ġurnalisti jagħżlu li ma jipparteċipawx f’dawn il-kawżi.
Matul il-laqgħa pożittiva ferm mal-Kummissarju Jourová ssottomettejt ukoll id-dokumenti meħtieġa li permezz tagħhom Malta wriet l-intenzjoni li tingħaqad mal-EPPO, l-Uffiċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Unjoni Ewropea. Pass importanti ħafna għal pajjiżna.
Matul iż-żjara l-Kummissarju Jourová kellha laqgħat oħra pożittivi mal-Avukat Ġenerali, l-Assoċjazzjoni tal-Ġudikanti u l-Kamra tal-Avukati, u stqarret li mill-laqgħat li kellha ma setghetx tipperċepixxi ebda pressjonijiet esterni fuq il gudikatura.
Kemm jien, il-kollega Deo Debattista u wkoll il-Kummissarju Jourová ndirizzajna wkoll seminar li permezz tiegħu pakkett leġiżlattiv għall-konsumaturi Ewropej kien diskuss propju f’Malta.
Lejn il-bidu ta’ Ġunju ttellgħet konferenza interministerjali bit-tema ta’ Ippjanar u Twettiq. Din kienet opportunità eċċellenti biex flimkien naraw il-frott tal-ħidma fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Kemm il-Ministeru, kif ukoll is-Segretarjati Parlamentari għandhom portafoll wiesa’ li jmiss mal-komunità li huwa rifless fil-ħidma sfiqa li qed issir. Il-ħidma fis-setturi hija kontinwament għaddejja biex inkomplu nsaħħu d-demokrazija f’pajjiż modern bħalma huwa tagħna, inżidu l-inklussività u l-aċċessibbiltà fis-settur kulturali u artistiku, kif ukoll titjib fl-effiċjenza u s-servizzi fis-settur ġudizzjarju.
Dan ix-xahar kelli l-opportunità li nitkellem waqt Konferenza Globali ta’ livell għoli dwar il-Projbizzjoni Universali tal-Piena Korporali, li ffukat kontra l-vjolenza fuq it-tfal. Waqt id-diskors tiegħi għamilt referenza għal mod ta’ kif il-Piena Korporali hija rregolata mil-liġi Maltija u kif dan huwa reat kriminali.
L-erba’ baned tal-Kottonera ngħaqdu flimkien biex jiċċelebraw l-400 sena mill-wasla tal-istatwa Marija Bambina fi ħdan l-Isla. Avvenimenti ta’ din ix-xorta jkomplu jitfgħu dwal fuq l-għaqda li ġġibb magħha l-kultura. Dawn il-baned ferrħu t-toroq madwar l-Isla, u wara ngħaqdu flimkien biex iffurmaw mass band li tellgħet programm mużikali quddiem l-istatwa. Permezz ta’ din l-inzijattiva li saret minn fondi miksuba mill-Komunitajiet Kreattivi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, dawn il-baned ħadmu flimkien għal ġid tal-komunitajiet rispettivi tagħhom u taw kontribut għat-tisħiħ tal-komunità fi ħdan il-Kottonera.
Kull lokalità għandha l-karatteristiċi tagħha li jiġu ċċelebrati permezz ta’ avvenimenti kulturali. B’appoġġ mill-Kunsill Malti għall-Arti, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi tella’ Qamar il-Għasel, avveniment immirat għal kulħadd u li kien jiffoka fuq il-produzzjoni tal-għasel u t-takktir tan-naħal. Inizjattivi bħal dawn jgħinu biex norbtu l-passat storiku tagħna mal-preżent, kif ukoll opportunità biex inħarsu lejn it-tradizzjonijiet tagħna u l-miġja tagħhom matul iż-żmien.
Pajjiżna huwa mogħni bi storja imprezzabbli li sawret lil Malta kif nafuha llum. L-Organizazzjoni mhux Govermentali Flimkien għal Ambjent Aħjar wkoll kisbet fondi mill-Komunitajiet Kreattivi biex permezz ta’ dokumentarju jikkommemoraw il-75 anniversarju mill-Konvoj ta’ Santa Marija fl-2017. Dan id-dokumentarju rawwem id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet bl-istudenti mill-Kulleġġ Santa Margerita jintervistaw nies mill-komunità tal-Kottonera li kienu preżenti għal dan l-avveniment li fforma l-futur ta’ pajjiżna. Permezz ta’ dan il-proġett assigurajna li l-esperjenzi u l-memorja kollettiva ta’ dan l-avveniment jiġu ppreservati biex dawn ma jintilfux maż-żmien, kif ukoll tefa’ dawl ġdid għall-ġenerazzjonijiet żgħar dwar dan l-avveniment storiku.
Dan ix-xahar jiskala l-istaġun tal-festi – tradizzjoni li tkompli trawwem l-identità ta’ dak li jagħmilna Maltin u Għawdxin, u li għandna obbligu li nħarsu. F’Ġunju, 27 kamra tan-nar ibbenefikaw minn fond ġdid li permezz tiegħu se jsaħħu s-sigurtà fil-kmamar tan-nar li jaħdmu fuq bażi volontarja. Kull kamra ngħatat l-ammont ta’ €5,000. Dan il-fond ġdid se jgħin din l-industrija popolari li tant għandha rwol ċentrali fiċ-ċelebrazzjonijiet u l-kultura tagħna. Dawn il-festi jittellgħu b’ħafna sagrifiċċji, u jsir ħafna xogħol biex ikoll ingawdu l-wirjiet spettakolari u artistiċi li jixgħelu s-sema tagħna. Il-fond se jkompli jgħin biex nirrikonoxxu u nħarsu dan ix-xogħol.
Kien avveniment sabiħ meta ntroduċejna l-Malta International Contemporary Art Space MICAS, l-ewwel spazju għall-arti kontemporanja f’Malta. Dan il-proġett se jiġi żviluppat fil-Furjana u għandu l-għan li jkun pjattaforma għall-wiri tal-arti kontemporanja filwaqt li se jġib miegħu firxa ta’ attivitajiet kulturali u edukattivi. Permezz ta’ dan il-kunċett, qegħdin inkomplu nsaħħu l-prodott kulturali u ninvestu f’dan is-settur li qiegħed dejjem jittejjeb. MICAS mistenni jiftaħ il-bibien tiegħu fl-2021 u huwa parti mill-pedament għal-legat kulturali tagħna.
Ix-xogħol fil-qasam kulturali ma waqafx dan ix-xahar. Ħadt ġost inħabbar opportunità oħra eċċellenti għall-mużiċisti Maltin li qed jistudjaw. Opportunità tajba ta’ kollaborazzjoni mal-Orkestra Royal Concertgebouw li ħadmet u ppreparat mużiċisti żgħażagħ Maltin li se jieħdu sehem f’dan il-kunċert. Dan ix-xahar ħabbart ukoll Opra unika li se tittella’ fit-Teatru Manoel fi tmiem ix-xahar, Cendrillon – Cinderella. Opra komposta mill-Malti Nicolò Isouard f’Pariġi fl-1810.
Ix-xogħol tar-restawr ikompli għaddej ġmielu wkoll. Kien ta’ pjaċir għalija li flimkien mal-kollega Silvio Parnis u l-Kunsill ta’ Ħaż-Żabbar, nedejt it-tlestija tar-restawr tant meħtieġ fuq il-Bieb maestuż ta’ Hompesch. Xogħol impekkabbli li sar mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru, taħt l-iskema ta’ restawr għall-Kunsilli Lokali.
Ix-xahar ta’ Ġunju kien xahar ieħor ta’ xogħol ma jaqta’ xejn fis-setturi kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru li tiegħu jien responsabbli. Ninsab kuntent li dak li ilni naħdem fuqu, flimkien mat-tim tiegħi, qed isir realtà, għall-ġid tal-pajjiż, imma fuq kollox għall-ġid tal-poplu kollu. Xogħol li se jitgawda mhux biss mill-ġenerazzjoni tal-lum, imma wkoll mill-ġenerazzjoni futura ta’ pajjiżna.
Comments