L-uffiċjali tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn ftehim kollettiv ġdid li jġib miegħu kundizzjonijiet aħjar bħal family-friendly measures kif ukoll żieda mistħoqqa fil-paga.
“Wieħed mit-tliet pilastri fundamentali fis-settur kulturali huwa ż-żieda fil-professjonalizzazzjoni, u permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv ġdid, qegħdin nassiguraw aktar titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li jaħsbu għal bżonnijiet tal-lum il-ġurnata. Is-settur kulturali huwa fiċ-ċentru tal-istrateġija tagħna u aħna impenjati li nkomplu nsaħħuħ,” tenna l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
Dawn il-miżuri kienu essenzjali minħabba li l-ftehim kollettiv ta’ qabel ma baqax japplika.
“F’kull post tax-xogħol, il-ħaddiema huma l-aktar magna importanti sabiex joffru servizz. Hija l-prijorità tagħna li nħarsu l-benesseri tal-ħaddiema, sabiex dan jiġġenera aktar titjib pożittiv għal benefiċċju ta’ kulħadd. Il-pass li jmiss huwa ż-żieda ta’ uffiċjali u t-taħriġ fi ħdan is-Sovrintendenza,” qal is-Superintendent tal-Patrimonju Kulturali, Joseph Magro Conti.
Dan il-ftehim kollettiv ġdid ġie nnegozjat u ffirmat mis-Sovrintendenza, il-GWU u l-Unità ta’ Relazzjonijiet Industrijali tal-People and Standards Division fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u huwa validu għal ħames snin.
Comments