top of page

Tmien artisti żgħażagħ jibbenefikaw minn fond ġdid -  Fond għat-Talent Żagħżugħ



Tmien artisti żgħażagħ se jibbenefikaw mill-Fond għat-Talent Żagħżugħ, programm ġdid li se jappoġġja l-parteċipazzjoni ta’ artisti żgħażagħ barra minn Malta fi pjattaformi internazzjonali bħal festivals, kompetizzjonijiet, wirjiet u/jew spettakli.

L-Erbgħa tħabbru l-ewwel benefiċjarji ta’ dan il-programm li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn l-10 snin u s-17 il-sena. Bis-saħħa ta’ dan il-fond, artist żagħżugħ Malti se jieħu sehem fil-Golden Classical Music Awards fil-Weill Recital Hall ta’ Carnegie Hall f’Novembru. Il-fond se jappoġġja wkoll il-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ żeffiena tal-ballet fis-semifinali tal-YAGP li se ssir f’Pariġi f’Novembru fejn ikunu eliġibbli biex jieħdu sehem fil-finali fi New York u jikkompetu għal possibbiltà li jieħdu borża ta’ studju.

“Dan il-programm jikkumplimenta l-viżjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti, li npoġġu l-arti u l-kreattività fil-qalba tal-futur tagħna,” stqarr il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici. “Permezz ta’ dan il-fond se nkunu qegħdin nassiguraw li, fi żmien meta t-talent ikun għadu qed jiżviluppa u jkun għadu jistrieħ fuq l-appoġġ tal-familja, l-artisti kollha emerġenti jista’ jkollhom l-istess opportunitajiet f’dan iż-żmien kruċjali ta’ ħajjithom.”

Il-Fond għat-Talent Żagħżugħ se jkun qed jappoġġja l-mobbiltà ta’ żgħażagħ kreattivi biex jesploraw, jibnu networkd u jidħlu f’kollaborazzjonijiet internazzjonali; iħeġġeġ iż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom attivament fi pjattaformi internazzjonali u jiffaċilita u jesponi t-talent żagħżugħ għal prattiki internazzjonali oħra.

Permezz ta’ dan il-programm, li għandu allokat €18,000 għal din is-sena, l-artisti se jirċievu l-għajnuna biex jiġu implimentati proġetti b’tul massimu ta’ xahar u li se jsiru bejn Ottubru 2018 u Ottubru 2019.

Is-sejħa għal dan il-fond kienet waħda kompetittiva u kull applikazzjoni eliġibbli ġiet evalwata skont kriterji stabbiliti li jinkludu l-mertu artistiku tal-proġett u r-rilevanza artistika tal-opportunità; il-valur tal-pjattaforma u tal-opportunità u l-immaniġjar finanzjarju u professjonali tal-proġett.

“Il-Fond għat-Talent Żagħżugħ huwa f’konformità ma’ wieħed mill-miri strateġiċi tal-Kunsill li huwa l-internazzjonalizzazzjoni,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Albert Marshall. Flimkien mal-komunità u d-diversità, il-professjonalizzazzjoni, ir-riċerka, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-internazzjonalizzazjoni huwa wieħed mill-ħames miri strateġiċi tal-Istrateġija2020, il-pjan li għandu l-Kunsill Malti għall-Arti għas-setturi kulturali u kreattivi sal-2020.

“Il-Fond għat-Talent Żagħżugħ huwa wieħed mill-għodod tagħna biex nindirizzaw u nimplimentaw l-għanijiet tal-Kunsill Malti għall-Arti mfissra fl-istrateġija tagħna, b’attenzjoni partikolari fuq It-trawwim tal-potenzjal kreattiv u l-appoġġ għall-iżvilupp tiegħu f’attività professjonali.”

Dan il-programm sar b’kollaborazzjoni ma’ Aġenzija Żgħażagħ, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, il-Public Broadcasting Services, Spazju Kreattiv u Żfin Malta.

Ir-riżultati jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Kunsill Malti għall-Arti: www.artscouncilmalta.org

Comments


bottom of page