Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici fetaħ ir-raba’ simpożju biennali organizzat minn Wirt iż-Żejtun. Dan is-simpożju se jħares lejn il-villaġġ Malti, u għandu bħala kelliem ewlieni lill-Professur Dr Brian W. Blouet mill-Università William and Mary Williamsbrug mill-Istati Uniti, li hu magħruf għall-ktieb tiegħu The Story of Malta.
Dan is-simpożju għandu l-għan li jservi ta’ pjattaforma għall-akkademiċi u riċerkaturi biex jaqsmu l-għarfien tagħhom dwar dan is-suġġett, waqt li jinkoraġġixxi ż-żieda fl-apprezzament lejn il-valuri u l-wirt tal-postijiet urbani tagħna. Għandu l-intenzjoni wkoll li jfiehem aħjar għala dawn iż-żoni urbani u l-kontenut tagħhom għandhom jiġu kkonservati u mħarsa.
Waqt l-indirizz tiegħu, il-Ministru Bonnici rrefera għall-impenn tal-Gvern biex isaħħaħ dawn l-ibliet u rħula antiki, waqt li għamel referenza wkoll għall-introduzzjoni ta’ emendi għall-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, biex dan jiġi “jgħodd għal ħtiġijiet tal-lum il-ġurnata u għall-ambjenti operattivi sabiex inkomplu npoġġu l-wirt kulturali fuq bażi aktar b’saħħitha.”
“Dan l-abbozz ta’ liġi propost, li issa daħal fil-proċess parlamentarju, għandu l-għan li jirriffletti r-realtà u l-isfidi li qiegħed jaffaċċja dan is-settur, kemm fuq dimensjoni lokali, kif ukoll fuq dik internazzjonali. Il-bidliet proposti jinkludu numru ta’ diżposizzjonijiet, fosthom ir-regolarizzazzjoni tal-għotja ta’ warrant lil konservaturi; l-irfinar tad-definizzjoni tal-wirt kulturali biex din tinkludi wkoll wirt kulturali ta’ taħt l-ilma, u t-tisħiħ ta’ Heritage Malta fuq l-ikkonservar u r-restawr. Dan kollu qiegħed isir biex is-settur ikun aktar regolat, biex nipprovdu aktar stabbiltà”, iddikkjara l-Ministru Bonnici.
Dan il-Gvern huwa verament impenjat sabiex ikompli jaħdem biex itejjeb u jħares dan is-settur li kulma jmur qiegħed dejjem jikber.
コメント