top of page

Kunċert għat-tfal li l-qliegħ minnu se jmur għaċ-Children’s Funds



Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali ingħaqad flimkien mal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali sabiex itella’ kunċert għat-tfal li l-qliegħ minnu se jmur għaċ-Children’s Funds.

Dan il-kunċert se jsir fl-Istitut Kattoliku fil-Furjana fl-1 ta’ Diċembru. Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ġimgħa filgħodu.

“Bħala ministeru, dejjem inkunu qegħdin naraw kif nistgħu nassistu permezz tal-produzzjonijiet u l-inizjattivi tagħna”, stqarr il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.

“Bħala parti mill-istrateġija kulturali tagħna, għandna l-iskop li dejjem niżguraw li dan is-settur ikun aktar aċċessibbli għal dak li jkun. Bis-saħħa ta’ kunċert b’risq iċ-Children Funds, qegħdin nipprovdu l-opportunità biex il-kultura verament tiġi apprezzata minn kulħadd”, kompla jgħid il-Ministru Bonnici.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li dan il-kunċert huwa xempju ċar ta’ kawża ġusta oħra, dik li ngħinu iktar lil tfal fil-bżonn.

Il-Ministru Michael Falzon spjega kif il-fondi miġbura se jmorru għaċ-Children’s Funds, fond li għandu l-għan li jgħin tfal li huma segwiti mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali u li jkollhom diffikultajiet soċjali.

Il-fondi jintużaw għal ħtiġijiet bażiċi, bħal, fost oħrajn, ikel tat-trabi, xirjiet, ħwejjeġ, uniformijiet, spejjeż mediċi u ħtiġijiet edukattivi.

Comments


bottom of page