top of page

Reġa’ wasal żmien iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena – din is-sena Ira Losco b’kunċer



Wara li din is-sena ttellgħu aktar minn 350 attività fil-programm tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, bil-parteċipazzjoni ta’ madwar 2,000 artist u attendenza ta’ ‘l fuq minn 350,000 ruħ, issa wasal iż-żmien li fil-Belt Valletta jittellgħu ċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar dawn iċ-ċelebrazzjonijiet u stqarr li l-festeġġamenti ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta saru parti inerenti mill-kalendarju kulturali tagħna li l-pubbliku jattendi bi ħġaru għalih.

“Huwa unur kbir li għal avveniment tant kbir bħal dan li jiġbed ħafna nies Maltin u nies lil hinn minn xtutna, ikollna daqshekk talent Malti. Din kienet sena importanti ħafna għall-kultura u l-legat tagħha għal pajjiżna, u permezz ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, qegħdin inkomplu nagħtu dimensjoni Ewropea fil-Belt Valletta li flimkien ma’ bliet u rħula ewlenin fl-Ewropa jilqgħu s-sena l-ġdida”, qal il-Ministru Bonnici.

Għal darb’oħra, il-palk prinċipali se jitwaqqaf fi Pjazza San Ġorġ, fejn se jkun hemm il-parteċipazzjoni ta’ wħud mill-aqwa artisti lokali. Id-duo lokali Xarulù se jagħtu bidu għas-serata, segwiti minn waħda mill-akbar artisti f’pajjiżna, Ira Losco, akkumpanjata mill-band tagħha. Ira se tkun qed tkanta l-aktar kanzunetti popolari fir-repertorju tagħha, fosthom What I’d Give, Me Luv U Long Time u l-kanzunetta l-ġdida tagħha One in a Million, li hi parti mis-seba’ album tagħha bl-isem ta’ No Sinner No Saint. Corazon Mizzi u Owen Bonnici se jkunu l-preżentaturi matul is-serata.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 spjega kif, “il-legat ta’ Valletta 2018 bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura se jispiċċa f’Diċembru, iżda se nkomplu niċċelebraw il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħna fis-snin li ġejjin. Matul il-festa nazzjonali għas-sena l-ġdida, il-Belt Valletta se tkun qiegħda toffri okkażjoni speċjali mhux biss għall-Maltin u l-Għawdxin, iżda wkoll għall-mijiet ta’ turisti li żaruna għal dan l-iskop”.

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li, “din hi sena speċjali għall-Belt Valletta, għalhekk bix-xieraq li ntemmuha b’ċelebrazzjoni kbira u daqstant speċjali. Wara li wettaqna b’suċċess programm ta’ kważi 400 attività matul din is-sena, dan se jkun wieħed mill-aħħar avvenimenti ta’ Valletta 2018 li se jibqa’ mnaqqax bħala parti mil-legat tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Għal darb’oħra se jkollna spettaklu kbir fi Pjazza San Ġorġ li se jiġbed eluf ta’ familji Maltin u turisti lejn il-Belt għal ċelebrazzjoni kbira fi spirtu ta’ għaqda”.

Wara l-kunċert ta’ Ira Losco, DJ Pierre Cordina se jkun qed idoqq taħlita tal-aqwa kanzunetti tal-2018, li se jwasslu għall-countdown ftit sekondi qabel it-tokki ta’ nofsillejl. DJ Mykill se jagħlaq is-serata, akkumpanjat minn trumbetti live.

Ma jonqsux l-effetti speċjali fuq il-palk u l-murtali li se jilqgħu s-Sena l-Ġdida f’atmosfera maġika u kkulurita.

Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta qed jiġu organizzati mill-Fondazzjoni Valletta 2018, b’kollaborazzjoni ma’ G7 Events, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Ministeru għat-Turiżmu, u l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Comentários


bottom of page