Fost il-bosta inizjattivi li qed isiru favur il-kunsilli lokali, f’din is-sena li fiha qed jiġi ċċelebrat ukoll il-25 sena mit-twaqqif tagħhom, is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali b’kollaborazzjoni mal-Parlament ta’ Malta u mal-Ispeaker Anġlu Farrugia, ħejja għall-ewwel darba laqgħa għas-sindki fil-Parlament. It-temi ewlenin li ġew diskussi kienu l-White Paper dwar ir-riforma fil-gvern lokali, id-diċentralizzazzjoni tal-poter mill-gvern ċentrali għal għand il-kunsilli lokali u l-użu tal-fondi Ewropej.
Il-Ministru Owen Bonnici faħħar din l-inizjattiva organizzata bħala parti mill-inizjattivi li jikkommemoraw il-25 sena anniversarju mit-twaqqif tal-kunsilli lokali. “B’din l-attività qed ninkoraġġixxu lis-sindki tagħna waqt li nuru l-apprezzament tagħna lejn xogħolhom u xogħol il-kunsilliera. Aħna għandna dejjem nieħdu l-opportunità biex inkomplu nsaħħu u ntejbu s-soċjetà u l-komunità tagħna għall-ġid tagħna u għal dawk ta’ warajna wkoll. Hu grazzi għall-kontribut tal-kunsilli lokali li nistgħu nibqgħu naħdmu flimkien għall-ġid tal-komunità tagħna,” qal il-Ministru Bonnici.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis li żied li s-sindki għandhom jingħataw aktar stima u għandhom ikunu l-leading citizens tal-lokalità tagħhom. Is-sindku għalhekk irid ikun dejjem preżenti, irid ikun jaf xi jkun qed jiġri u jrid ikun parteċipattiv f’dak kollu relatat mal-lokalità tiegħu. Hu proprju għalhekk li fil-White Paper tar-riforma fil-gvern lokali qed nistaqsu jekk wasalx iż-żmien li s-sindku jkun full-time. Is-Segretarju Parlamentari Parnis ikkonkluda li jemmen li bir-riforma fil-gvern lokali flimkien ma’ inizjattivi bħal din tal-lum, il-fiduċja fil-kunsilli lokali se terġa’ tinkiseb b’mod sħiħ.
Comentários