top of page

Il-Prim Ministru jinawgura l-uffiċini l-ġodda tal-Aġenzija LESA



LESA

Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura l-uffiċini l-ġodda tal-Aġenzija LESA. Dan kien pass ieħor ’il quddiem li se jkompli jagħti dehra ġdida lill-uffiċjali tal-komunità. Fl-ewwel ta’ Mejju tas-sena l-oħra l-uffiċjali kienu ġew trasferiti kollha fi closed department mal-aġenzija governattiva LESA. Din l-aġenzija qed taħdem sabiex ikun hemm bidla pożittiva kemm fl-aspett edukattiv kif ukoll fl-aspett operattiv innifsu. Apparti li din kienet wegħda elettorali, kienet ukoll l-ewwel pass għal riforma fi ħdan l-uffiċjali tal-komunità. Kien inbidel ukoll l-isem ta’ dawn l-uffiċjali li qabel konna nirreferu għalihom bħala gwadjani lokali. F’Ottubru li għadda l-istess uffiċjali ngħataw ukoll uniformi ġdida. Il-ftuħ ta’ dawn l-uffiċini l-ġodda huwa pass ieħor għal kisba tar-riżultat mixtieq.

F’diskors li għamel, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva lill-uffiċjali tal-komunità li qegħdin hemm mhux biss biex ikunu gwardjani tal-liġijiet tat-traffiku u dawk ambjentali u biex jimmaniġjaw siti ta’ kostruzzjoni jew biex imorru fuq il-post meta jkun hemm xi ħabta bejn il-karozzi, imma li qegħdin hemm biex fuq kollox jedukaw.

Huwa qal li r-rwol ta’ dawn l-uffiċjali fl-aħħar mill-aħħar, l-aktar importanti ħidmiethom, kienu prijorità għal dan il-Gvern. Kienu prijorità sa mill-bidu nett u kienu mill-ewwel fil-programm elettorali li propju issa sar il-programm ta’ ħidma ta’ dan il-Gvern.

Il-Prim Ministru qal li l-investiment li sar fil-mod kif il-LESA taħdem ifisser li fl-aħħar mill-aħħar isir mhux biss investiment fil-ħaddiema ta’ dan id-Dipartiment iżda anke investiment fiċ-ċittadini li issa se jibdew jingħataw servizz aħjar.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, waqt l-inawgurazzjoni ta’ dawn l-uffiċini l-ġodda qal li, “b’dan ix-xogħol kollu li sar u qiegħed isir, qegħdin inkomplu nsaħħu l-ħidma ta’ dan il-Gvern favur il-komunità. Permezz tal-impenn tagħna, u dawn l-investimenti biex inkomplu noffru servizz u prodott aħjar għas-soċjetà tagħna, qegħdin inkunu aktar qrib tal-komunità, filwaqt li nkomplu ngħarrfu lill-pubbliku dwar ix-xogħol siewi li jagħmlu dawn l-uffiċjali.”

Preżenti għal dan il-ftuħ kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis. Huwa qal li jemmen li jekk l-ambjent fuq il-post tax-xogħol ikun wieħed san, ir-riżultat mill-ħaddiema se jkun aqwa. Kif wieħed jista’ jara l-uffiċini l-ġodda ta’ din l-aġenzija huma aktar avvanzati u kapaċi jlaħħqu aħjar mal-isfidi tal-lum il-ġurnata. Silvio Parnis qal ukoll li din ir-riforma għandha l-mira li twassal għal aktar serjetà fl-infurzar iżda wkoll għal sens ta’ sensibilità fl-istess infurzar. Fil-fatt qed issir enfasi fuq il-ħtieġa ta’ taħriġ għall-uffiċjali tal-komunità u l-infurzar lokali issa m’għadux biss limitat għal kontravenzjonijiet tat-traffiku iżda qed jimraħ f’oqsma importanti oħra bħal dawk ambjentali u dawk edukattivi.

L-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Aġenzija Raymond Zammit sostna li dan il-post il-ġdid se jiġbor fih dak kollu li jiġi rrapurtat u se jassigura s-suċċess mixtieq għall-futur.

L-uffiċini l-ġodda tal-LESA jinsabu f’246, Mater Boni Consili Street, Fgura, FGR 1611.

Commenti


bottom of page