Teatru Malta nieda l-programm tiegħu għall-2019 ġewwa ċ-ċinema ta’ City Lights fil-Belt Valletta b’kalendarju mimli avvenimenti u proġetti eċitanti. L-għan ta’ Teatru Malta, kif ħareġ biċ-ċar tul is-sena li għaddiet, huwa li jħoll ir-rabtiet mal-insularità f’dak li għandu x’jaqsam mat-teatru u jimxi lejn ekosistema ta’ teatru li m’għandux ħitan, limitazzjonijiet artistiċi, u lanqas limiti strutturali.
“Huwa grazzi għall-programmi ta’ dan it-tip li nkunu nistgħu nkomplu nsaħħu l-istrateġija kulturali tagħna. Dan sabiex inkomplu nagħmlu l-kultura u l-arti aktar aċċessibbli għall-komunità tagħna”, stqarr il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt it-tnedija tal-istaġun.
“Fil-fatt Teatru Malta se jkun qed jivvjaġġa lejn postijiet differenti madwar Malta u Għawdex biex jiżgura li t-teatru jersaq aktar qrib l-udjenzi mxerrdin mal-gżejjer kollha. Il-programm se jinkludi wkoll is-sehem ta’ għadd ta’ prattikanti tat-teatru lokali u artisti internazzjonali, biex b’hekk tkompli tissaħħaħ il-kwalità u tissokta d-diversità fil-proġetti kollha. Il-programm jinkludi wkoll spettakli ta’ ċirku tat-triq, masterclasses dwar il-monologi u festival għat-tfal. Il-proġett li jmiss huwa opra għat-tfal ibbażata fuq il-ktieb tat-tfal ta’ Clare Azzopardi ‘Il-Qtates ta’ Max-Xatt’ bid-direzzjoni ta’ Denise Mulholland,” kompla jgħid il-Ministru.
Fost l-oħrajn, fl-istaġun ta’ din is-sena nsibu kompożizzjoni ta’ The New Victorians għat-tfakkira taċ-ċentenarju tas-Sette Giugno fil-Forti Sant’Iermu, ix-xogħol ta’ Anthony Burgess A Clockwork Orange tradott u interpretat mill-ġdid għal udjenza żagħżugħa kontemporanja, u adattament għall-palk tar-rumanz popolari Pope Joan li se tittella’ fuq barra, fil-foss tal-Imdina.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall tkellem dwar kif Teatru Malta “qiegħed jagħti lok għall-innovazzjoni u l-esperimentazzjoni bla biża’, juża l-espressjoni teatrali biex jiffaċilita d-dibattitu pubbliku, iniedi kummentarju soċjali attwali u relevanti, joħloq udjenzi ġodda, jimbotta t-teatru lejn il-limiti tiegħu u jaħdem mill-qrib mal-komunitajiet – fi ftit kliem, jaħseb, joħloq u jaġixxi b’mod mhux ‘konvenzjonali’ u jagħmel mezz li jiċċelebra l-inklussività, id-diversità u d-differenza.”
Meta mistoqsi dwar il-programm, id-Direttur Artistiku Sean Buhagiar qal li “Teatru Malta huwa vjaġġ, mhux destinazzjoni. Meta nħares lura lejn l-2018 nara li rnexxilna nitgħallmu ħafna; fl-2019 qed nimmiraw li nkunu aħjar f’diversi aspetti. Din is-sena stajt nagħmel għażliet aktar kuraġġużi, għax dan huwa t-twemmin fil-qalba ta’ Teatru Malta. It-team tagħna qed jikber, u l-udjenzi tagħna wkoll. F’dan il-punt fil-vjaġġ tagħna, il-prijorità tibqa’ l-iżvilupp tal-udjenzi. Ħafna mill-istejjer tagħna huma bbażati fil-passat, iżda qed nibnu l-udjenzi tal-futur. Jekk int qatt m’esperjenzajt il-maġija tat-teatru jew jekk int tħobb ħafna t-teatru, jekk għandek tmien snin jew tuża l-kartanzjan, jekk tħobb il-kummiedja jew tippreferi d-drama, jekk jogħġbuk l-ispettakli kbar jew tippreferi l-intimità – għandna xi ħaġa għalik li se tolqtok żgur.”
Teatru Malta għandu wkoll għadd ta’ opportunitajiet imħejjija għal din is-sena, b’inizjattivi bħall-proġett ta’ kollaborazzjoni Spazji Teatrali li għandu l-għan li jsostni l-ispazji teatrali li jiffunzjonaw f’Malta. Se naraw ukoll it-tieni sena tal-Proġett Klassiċi li hija inizjattiva mmirata biex ikun hawn aktar pubblikazzjonijiet u produzzjonijiet ta’ klassiċi magħrufin tradotti għall-Malti. Fl-2019 Teatru Malta se jkun qed itella’ Rinoċeronti ta’ Eugène Ionesco taħt id-direzzjoni ta’ Michael Fenech, u se tippubblika wkoll traduzzjoni ta’ Clare Azzopardi u Dr Albert Gatt flimkien ma’ pubblikazzjonijiet oħra ta’ Ionesco li wkoll se jiġu tradotti għall-Malti.
Teatru Malta se jerġa’ jtella’ uħud mill-iktar spettakli popolari tal-2018 bħala parti mill-programm il-ġdid tar-repertorju.
Għal aktar tagħrif dwar il-programm ta’ avvenimenti ta’ Teatru Malta għall-2019 żuru www.teatrumalta.org.mt jew ċemplu fuq 2122025.
Comments