22 nutar gdid rċevew il-warrant tagħhom nhar l-Erbgħa. Minn dawn it-22 nutar, 4 huma rġiel u 18 huma nisa.
Il-Ministru Bonnici feraħ lil dawk preżenti u awguralhom fil-karriera tagħhom waqt li aċċenna għall-importanza u r-responsabbiltà li ġġor magħha din il-professjoni. Il-Ministru Bonnici inkoraġġixxa n-nutara l-ġodda biex jimxu b’mod serju u etiku, speċjalment minħabba li x-xogħol tagħhom jgħin biex isaħħaħ ir-rota ekonomika.
Il-Ministru Bonnici għamel referenza għall-fatt li dan il-Gvern ħadem biex in-nutara ta’ pajjiżna jkollhom xogħol aħjar u fakkar li kien grazzi għal dan il-Gvern, li bis-saħħa tiegħu ġie introdott għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna l-Kodiċi tal-Etika għan-Nutara.
“Din il-Kodiċi tal-Etika għan-Nutara tifforma parti minn riformi vasti li preżentement qegħdin jiġu implimentati minn dan il-Gvern fis-setturi legali u ġudizzjarji,” stqarr il-Ministru Bonnici. Hu rrimarka wkoll li attwalment l-Arkivji Notarili għaddejjin minn xogħol ta’ restawr maġġuri bħala parti minn proġett ta’ €5,000,000 ffinanzjat mill-FEŻR. “Ix-xogħlijiet esterni tar-restawr qegħdin joqorbu lejn it-tmiem, bix-xogħlijiet interni li se jiġu ffinalizzati sal-aħħar tal-2020. Hekk se naraw it-trasformazzjoni tal-Arkivji f’ċentru ewlieni ta’ eċċellenza f’riċerka storika, konservazzjoni u investigazzjoni xjentifika. Dan mhux biss se jgħin fil-preservazzjoni tal-kollezzjoni ta’ aktar minn 20,000 volum notarili ta’ prestiġju internazzjonali u valur storiku u soċjali rikk, iżda wkoll biex inkomplu nżidu l-aċċessibbiltà tal-Arkivji Notarili u l-volumi tagħhom,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.
“Faċilitajiet ta’ din is-sura se jiftħu t-triq għall-Arkivji Notarili biex isiru mexxej ewlieni internazzjonali għall-riċerka arkivjali u l-preservazzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt fuq il-karta, mhux biss għall-benefiċċju tal-viżitaturi, imma wisq aktar għan-nutara li jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet. Huwa grazzi għal dan l-investiment dirett li nistgħu nsaħħu din il-professjoni tant importanti, filwaqt li nkomplu nżidu l-aċċessibbiltà għal wirt tagħna,” ikkonkluda l-Ministru Bonnici.
Comentarios