Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li 30 soċjetà mużikali differenti bbenefikaw minn total ta’ €160,000 f’għajnuna finanzjarja permezz tal-iskema annwali ‘Ngħinu Finanzjarjament lis-Soċjetajiet tal-Banda’.
Il-Ministru faħħar l-inizjattiva u tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jippreserva u fl-istess ħin isaħħaħ il-kultura tradizzjonali popolari. Huwa enfasizza s-sinifikat tal-parteċipazzjoni tal-komunità permezz tal-arti u l-kultura u qal li l-festi lokali jippreżentaw opportunità eċċellenti għall-komunità biex tipparteċipa b’mod attiv fil-forom diversi tal-kreattività.
“Il-każini tal-banda jwettqu rwol importanti fil-komunità, fejn joħolqu sens t’appartenenza, u jservu bħala punt ta’ dħul fid-dinja artistika. L-attivitajiet tagħhom huma kontinwi u filwaqt li jiffukaw fuq it-tagħlim tal-mużika lit-tfal u ż-żgħażagħ, huma jorganizzaw ukoll attivitajiet kulturali u tradizzjonali, li jilħqu l-qofol tagħhom fl-avveniment ewlieni tagħhom – il-festa tar-raħal. Il-binjiet li huma jinsabu fihom ukoll ħafna drabi jkollhom oġġetti ta’ valur storiku u huma ta’ valur storiku sinifikattiv fihom infushom,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Mary Ann Cauchi, id-Direttur tal-Fondi u Strateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, aċċennat fuq l-impenn tal-Kunsill li jkun qrib is-soċjetajiet mużikali Maltin. “Permezz ta’ dawn il-fondi qegħdin nirrikonoxxu r-rwol ċentrali tas-soċjetajiet tal-każini tal-banda, fil-kontribut tagħhom fit-trawwim tal-kultura mużikali, fis-salvagwardja u t-tisħiħ tat-tradizzjonijiet kulturali, u l-organizzazzjoni ta’ sforzi artistiċi fi ħdan il-komunità,” qalet is-Sa Cauchi.
L-iskema ssir b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda. Dr Noel Camilleri, il-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet ukoll, fejn aċċenna fuq l-importanza ta’ dan l-isforz konġunt.
Ir-riżultati jistgħu jinstabu hawn.
Għal aktar informazzjoni fuq l-iskemi tal-Kunsill Malti għall-Arti, żur www.artscouncil.mt jew ibgħat email fuq fundinfo@artscouncil.mt, jew ċempel fuq 23347230.
Comments