top of page

€300,000 F’GĦAJNUNA LIL KUNĊERTI TAR-ROCK

Kitba meħuda mill-gazzetta ‘KullHadd’ (Il-Ħadd, 24 ta’ Lulju, 2022) paġna numru 04.




Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien ma’ Festivals Malta nieda sejħa għall-applikazzjonijiet tal-fond Rock’N Malta. L-inizjattiva toffri appoġġ ta’ €300,000 f’fondi lill-organizzaturi, bands u artisti li fis-sena d-dieħla biħsiebhom jipproduċu kunċerti tal-ġeneru Rock, kif ukoll is-sottoġeneri li joħroġu minnu.


“Din hi inizjattiva sabiħa biex nagħtu opportunità lit-talent lokali fil-kamp tar-Rock jesebixxi l-ħiliet tiegħu u anke nattiraw talent barrani biex jagħti prestazzjonijiet f’pajjiżna. Fl-istess waqt se nkunu qed naħdmu id f’id mas-settur privat, promoturi, artisti lokali u NGOs ħalli jkunu huma l-ixprun ta’ dawn il-kunċerti,” stqarr il-Ministru.


Iċ-Ċermen ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, qal li permezz ta’ Rock’N Malta, Festivals Malta se tkompli tinvesti fil-ġeneri tal-mużika varjati li għandna f’pajjiżna.


“L-għan ta’ Festivals Malta hu li jagħti diversi opportunitajiet lill-artisti tagħna. Bħalma Festivals Malta jorganizza diversi festivals ta’ forom differenti ta’ arti u ta’ kull ġeneru mużikali, inkluż mużika bil-Malti, Jazz, mużika Klassika u aktar. B’dan il-fond qegħdin niffukaw ukoll fuq il-mużika Rock u s-sottoġeneri kollha tagħha,” qal Zahra.


Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, qalet li Rock’N Malta twaqqaf mill-Aġenzija fl-2017 u permezz ta’ din l-inizjattiva, li tagħmel parti minn portafoll estensiv, jiġi offrut appoġġ dirett lix-xena tal-mużika rock lokali.


Tul is-snin, Rock’N Malta ospita artisti bħal Dream Theatre, Dee Snider, Steve Hackett, Krokus u oħrajn. Kien ukoll ta’ sostenn għal diversi bands, artisti u festivals lokali oħrajn marbutin ma’ dan il-ġeneru tal-mużika.


L-applikazzjonijiet għall-fondi ta’ Rock’N Malta jagħlqu l-Ħamis 22 ta’ Settembru f’nofsinhar.


Kull min hu interessat japplika għandu jżur is-sit www.festivals.mt għal aktar informazzjoni.



Comments


bottom of page