top of page

31,000 adult u student żaru l-attrazzjonijiet u s-siti ta Heritage Malta



Wara 100 ġurnata mit-tnedija tal-Passaport ta’ Heritage Malta, 7,000 student ġabru l-passaport ta’ Heritage Malta. Dan wassal biex total ta’ 31,000 adult u student żaru l-attrazzjonijiet u s-siti tal-Aġenzija.

“Dawn ċertament sinjali qawwija ta’ poplu li japprezza l-kultura tiegħu u li hu kburi b’pajjiżu,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.


“Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, aħna qegħdin inkomplu nipprovdu aktar modijiet biex il-ġenerazzjoni żagħżugħa jkollha aktar aċċess għall-wirt u l-kultura tagħna, b’mod li japprezzaw aktar l-istorja ta’ pajjiżna, u s-siti numerużi li jirrappreżentawha fi ħdan pajjiżna. Aħna impenjati biex inkomplu nsaħħu l-wirt lokali tagħna, li jifforma parti importanti mill-identità nazzjonali tagħna, biex verament kulħadd japprezzaha.”

Il-Passaport ta’ Heritage Malta huwa opportunità unika għal dawk l-istudenti li għandhom għal qalbhom il-kultura u jipprovdi lilhom u lil żewġ adulti b’aċċess bla ħlas u bla limitu fil-mużewijiet u s-siti kollha tal-Aġenzija (eskluż l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni).


Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar tkellem dwar il-ħidma li għaddejja bħalissa minn Heritage Malta u semma li bil-liġi dwar il-patrimonju kulturali li għadha kemm għaddiet mill-Parlament, din l-Aġenzija saret l-operatur ewelieni tal-wirt nazzjonali. Huwa semma kif matul is-sena li għaddiet diversi siti għaddew għand Heritage Malta bħal Fortress Builders, il-Main Guard, iċ-ċisterni u l-mini ta’ taħt xi toroq fil-Belt u Valletta nnifisha bħala wirt kulturali dinji. Is-Sur Cutajar qal li dak li qed isir b’dawn is-siti għal Belt Valletta issa se jkun qed isir saħansitra fil-Kottonera wara li tfasslet strateġija mill-Gvern għat-tlett ibliet.

Id-Direttur Eżekuttiv irrefera għall-passaport ta’ Heritage Malta li kiseb suċċess hekk kif ħareġ. Semma li l-aċċess għall-istorja tal-pajjiż jissarraf f’għarfien aqwa għal dak kollu li hu Malti u allura tisħiħ tal-identità tagħna. Is-Sur Cutajar temm jgħid li għalkemm Heritage Malta għandha l-funzjoni li tħares u tikkonserva l-wirt tal-pajjiż, għandha wkoll funzjoni ogħla, dik li taħdem għall-għarfien ta’ dan il-wirt.


Il-passaport ta’ Heritage Malta huwa mmirat għall-istudenti kollha li jattendu l-iskejjel primarji u sekondarji, kemm jekk huma tal-Istat, indipendenti jew tal-Knisja, f’Malta u Għawdex. Il-passaport jista’ jinġabar meta wieħed iżur xi sit jew mużew tal-Aġenzija, wara li jippreżenta l-card ta’ Heritage Malta, li tqassmet lit-tfal kollha mill-iskejjel tagħhom.


Huwa importanti li l-istudenti jaraw li l-passaport tagħhom jiġi ttimbrat waqt kull żjara li jagħmlu fil-postijiet ta’ Heritage Malta, peressli t-timbri jistgħu jiġu kkollezzjonati.


Għaxar timbri differenti ta’ 10 postijiet differenti jintitolaw lis-sid tal-passaport u lil żewġ adulti li jakkumpanjawh, għal VISA ta’ Heritage Malta li twassal għal aċċess ta’ darba ġewwa sit li mhux soltu jinfetaħ għall-pubbliku. Il-kollezzjoni ta’ 10 timbri oħra ta’ 10 postijiet differenti tiġi ppremjata permezz ta’ żewġ VISAs li jagħtu aċċess ta’ darba għal żewġ siti li ma jkunux normalment miftuħa għall-pubbliku.

Il-kollezzjoni finali ta’ 27 timbru ta’ 27 post differenti twassal għal VISA li toffri dħul ta’ darba ġewwa l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni għall-istudent u għal adult wieħed li jakkumpanjah, inkella jekk preferut, għal rigal esklussiv mingħand Heritage Malta.


Iżda dan mhux kollox, peressli minn żmien għal żmien, Heritage Malta qiegħda żżid mal-inċentivi relatati ma’ dan il-passaport. Fil-fatt, dawk l-istudenti kollha li se jżuru l-mużewijiet u s-siti kollha ta’ Heritage Malta li jinsabu r-Rabat u l-Imdina waqt ix-xahar ta’ Marzu, se jingħataw basket bir-rigali. Barra minn hekk, l-istudenti kollha li se jmorru jiġbru l-passaport tagħhom għall-ewwel darba waqt ix-xhur ta’ Marzu u April se jingħataw ktieb sabiħ.



Comments


bottom of page