top of page

31 għaqda jgawdu mill-iskema ta’ finanzjament artistiku għall-armar fil-festi




€180,000 ġew investiti f’għaqdiet volontarji marbuta mal-festi Maltin, biex ikun hemm aktar trawwim, tisħiħ u ħarsien tat-tradizzjonijiet tal-arti tal-armar fil-festi. Waqt il-preżentazzjoni, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici rringrazzja lil dawn l-assoċjazzjonijiet tax-xogħol siewi tagħhom meta jiġu għall-armar fil-festi.

“Bl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ finanzjament artistiku għall-għaqdiet tal-festi, qegħdin inkomplu nsaħħu t-tessut kulturali u t-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna, mhux biss billi nipprovdu assistenza għad-disinn u l-manifattura, imma wkoll b’investiment ta’ tagħlim u taħriġ fejn jidħol l-armar kif ukoll għal proġetti u għal attivitajiet kulturali oħra", qal il-Ministru Bonnici. Huwa qal li skema bħal din u oħrajn jgħinu biex jagħtuna l-pedament biex inkomplu nsaħħu aktar il-kultura tagħna u l-futur tagħha.

Amministrat mill-Kunsill Malti għall-Arti, dan il-fond jassisti lil bosta organizzazzjonijiet li jinsabu fl-ibliet u l-irħula tagħna li huma marbuta mal-armar tal-festa tradizzjonali Maltija, li volontarjament jaħdmu matul is-sena kollha fuq l-aspetti artistiċi tal-festi. “Din l-iskema tiżgura li dawn l-organizzazzjonijiet jingħataw l-assistenza meħtieġa biex ikomplu jirfinaw f’xogħolhom, biex jintlaħqu livelli artistiċi”, qalet id-Direttur Fondi u Strateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi. “Skema bħal din tippermettilna wkoll li naraw il-potenzjal kollu tal-ekoloġija kkulurita tagħna ta’ espressjonijiet kulturali, li jinsabu fil-komunitajiet tagħna, bħalma hu msemmi fl-Istrateġija2025”.

Il-benefiċjarji ta’ din l-iskema huma organizzazzjonijiet volontarji reġistrati mal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji, u ġew skrutinizzati f’termini ta’ eliġibbiltà teknika u artistika mill-Kunsill Malti għall-Arti. Il-finanzjament massimu għal kull benefiċjarju kien ta’ €10,000 għal kull proġett. Kull proġett ingħata finanzjament fuq bażi ta’ każ b’każ.






Comments


bottom of page