Erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Att dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija), il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li bis-saħħa tal-mekkaniżmi introdotti b’din il-liġi storika, b’kollox 50 persuna li kienu akkużati b’offiżi konnessi mad-droga kisbu t-tieni ċans f’ħajjithom wara li l-Bord għar-Rijabilitazzjoni mid-Droga kkonkluda li dawn ħarġu mill-vizzju.
“Din il-liġi kienet mument importanti li mmarka bidla fil-mod ta’ kif l-Istat iħares lejn il-vittmi tal-abbuż tad-droga. Wara erba’ snin, ir-riżultati qed juru li l-vittmi ġenwini tal-abbuż għandhom jitqiesu bħala nies li jeħtieġu għajnuna u mhux kriminali,” saħaq il-Ministru Bonnici. Fil-fatt din il-liġi tipprovdi metodi diversi ta’ kif persuni akkużati b’offiżi relatati mad-droga jingħataw għajnuna u inċentivi b’saħħithom ħafna sabiex dak li jkun joħroġ mill-vizzju.
Il-liġi l-ġdida tad-droga daħlet għadd ta’ riformi.
L-ewwel nett, il-liġi provdiet li dawk il-persuni li jinstabu b’pussess ta’ droga f’ammonti żgħar għal użu personali jidhru quddiem Kummissarju għall-Ġustizzja, u mhux il-Qorti tal-Maġistrati. Jekk jinstabu ħatja, il-piena tkun multa ta’ bejn €50 u €100 f’każ ta’ pussess ta’ kannabis, u multa ta’ €75 sa €125 f’każ ta’ pussess ta’ drogi oħra. Dan l-eżerċizzju ta’ dekriminalizzazzjoni wassal biex il-każijiet jiġu meqjusa mill-perspettiva soċjali u r-riżultati kienu pożittivi ħafna.
It-tieni nett, il-liġi pprovdiet li f’każ ta’ pussess sempliċi ta’ kwalunkwè droga għajr ta’ kannabis, jekk persuna tinstab ħati ta’ din l-offiża darbtejn fi żmien sentejn, dik il-persuna, minflok ma titqies bħala reċidiva għall-finijiet tal-Kodiċi Kriminali, tiġi riferuta għall-Bord għar-Rijabilitazzjoni tad-Droga biex tingħata l-għajnuna sabiex toħroġ mill-vizzju.
Huwa pożittiv il-fatt li minn total ta’ 2,710 li tressqu quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja biex iwieġbu għall-akkuża ta’ pussess sempliċi, kienu biss 88 li nstabu ħatja ta’ din l-offiża darbtejn fi żmien sentejn. Dan il-fatt jindika li l-proċess quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja qed iħalli l-effett mixtieq.
It-tielet nett, il-liġi pprovdiet li f’każ ta’ pussess aggravat u ċerti każijiet ta’ traffikar, il-Qorti tal-Maġistrati tista’, wara li ssirilha talba mill-akkużat stess, tirreferi lill-akkużat quddiem il-Bord għar-Rijabilitazzjoni mid-Droga biex jingħata l-għajnuna. B’kollox 46 persuna gew referuti mill-Qorti tal-Maġistrati quddiem il-Bord.
Ir-riżultati juru li minn total ta’ 134 każ li ġew riferuti għall-għajnuna fl-aħħar erba’ snin quddiem il-Bord għar-Rijabilitazzjoni mid-Droga mill-Kummissarju għall-Ġustizzja (88) jew mill-Qorti tal-Maġistrati (46), f’50 każ minnhom il-Bord ikkonkluda li l-persuni in kwistjoni ħarġu mill-vizzju. Minn dawn il-50 każ, 30 persuna kienu ġew riferuti mill-Kummissarju għall-Ġustizzja u 20 mill-Qorti tal-Maġistrati.
Riforma oħra kienet li f’każijiet ta’ pussess aggravat u ċerti każijiet ta’ traffikar ta’ droga li skont il-liġi jattiraw piena mandatarja ta’ ħabs, il-Qorti tal-Maġistrati ngħatat il-poter li minflok ma tagħti piena ta’ ħabs, tagħti pieni oħrajn jekk ikollha parir mill-Bord għar-Rijabilitazzjoni mid-Droga li l-akkużat ħareġ mill-vizzju. Mill-20 każ ta’ persuni li kienu ġew riferuti mill-Qorti tal-Maġistrati u rnexxielhom joħorġu mill-vizzju, 3 persuni diġà ngħataw piena li m’hijiex waħda ta’ ħabs u l-bqija (17) qed jistennew li jingħataw sentenza.
Il-Ministru Bonnici qal li r-riżultati inizjali juru li l-Att dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija) qiegħed iwassal biex jiġu riformati l-ħajjiet u tipprovdi t-tieni ċans għal dawk li jaħdmu għalih.
Commentaires