top of page

€6 MILJUN BIEX JIĠU SALVATI KAŻINI TAL-BANDA F’RISKJU TA’ ŻGUMBRAMENT

Kitba meħuda mill-Orizzont (Is-Sibt 25 ta’ Marzu 2023) paġna numru 1, 3.




Il-Gvern jinsab fi stadju avvanzat biex isalva soċjetajiet mużikali li jinsabu f’riskju li jiġu żgumbrati mill-każini tagħhom. Għal dan il-għan, il-Gvern qed jinvesti €6 miljun biex jakkwista l-proprjetajiet tal-każini tal-Banda. Fil-fatt diġà hemm ftehim ta’ akkwist mas-sidien tal-bini ta’ sitt soċjetajiet mużikali.


Il-Ministeru għall-Wirt Kulturali, l-Arti u Gvern Lokali ħabbar li lGvern laħaq ftehim ta’ akkwist mas-sidien tal-propjetà tas-soċjetajiet: Banda Stella Maris ta’ Tas-Sliema, Aniċi Banda & Social Club ta’ Ħal Qormi, Banda Kristu Re ta’ Raħal Ġdid, Circolo San Giuseppe Sagra Familja tal-Kalkara, La Stella Levantinata’ Ħ’Attard u Każin Banda Maria Regina tal-Marsa. Fisser kif din l-inizjattiva hija mmirata biex tipproteġi t-tradizzjonijiet tal-każini tal-banda li jinsabu f’riskju ta’ żgumbrament minħabba s-sitwazzjoni legali tal-liġijiet tal-kera, f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex u dan fid-dawl tal-valur intrinsiku kulturali tagħhom f’pajjiżna



QEGĦDIN ISIRU NEGOZJATI OĦRAJN MA’ SIDIEN TA’ SOĊJETAJIET MUŻIKALI OĦRA


Fil-każ tal-Każin Banda Stella Maris, il-proċess tal-akkwist ġie totalment konkluż, waqt li fir-rigward tal-proprjetajiet l-oħrajn ġie ffirmat konvenju jew jinsab fil-proċess li jiġi iffirmat konvenju mas-sidien rispettivi wara li ntlaħaq formalment qbil dwar il-kondizzjonijiet tal-bejgħ.


Il-Ministru Owen Bonnici esprima l-impenn tal-gvern li jipproteġi l-każini tal-baned minħabba l-importanza soċjali u kulturali tagħhom fil-komunitajiet tagħna.


“Dan sar permezz ta’ appoġġ finanzjarju permezz ta’ skemi varji u anke permezz ta’ impenn għall-akkwist tal-proprjetajiet li bħalissa qed jintużaw mill-każini tal-banda rispettivi, sabiex tkun tista’ tingħata assigurazzjoni ta’ kera fit-tul,” irrimarka Dr Bonnici.


“Minn banda waħda rridu ngħinu lil dawn is-soċjetajiet però jrid jintlaħaq ukoll bilanċ mal-interessi tal-Gvern li jara li jkollu dħul xieraq għal dan l-investiment li qed isir billi jieħu lura kirja ġusta li tagħmel sens fid-dinja tal-lum,” spjega l-Ministru Bonnici.


Minbarra hekk, il-Ministru Bonnici saħaq li l-Gvern huwa kommess li jippromwovi l-elementi soċjali fi ħdan il-każini tal-banda biex jissaħħu inizjattivi fi ħdan il-komunità mmirati lejn l-inklużjoni, it-tagħlim, u l-preservazzjoni tal-ħiliet tradizzjonali marbuta mal-festa tar-raħal.


Il-Kunsill tal-Arti Malti għandu rwol ċentrali fis-salvagwardja ta’ elementi tal-wirt artistiku u kulturali ta’ pajjiżna, u permezz ta’ dawn l-akkwisti l-Kunsill qed jindirizza waħda mill-għanijiet tal-Istrateġija 2025, li hija l-investiment u t-trawwim ta’ l-espressjoni artistika u kulturali diversa.


Biex tkun żgurata konsistenza u attenzjoni immedjata għal din l-inizjattiva, twaqqaf il-Bord tat-Tmexxija tal-Każini tal-Banda, fi ħdan l-Arts Council Malta, u qed jamministra ix-xogħol relatatmal-akkwisti u taħt il-kappa tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u Lokali Gvern.


Qed isiru negozjati oħrajn ma’ sidien ta’ soċjetajiet mużikali oħra li, bl-istess mod, qed jiffaċċjaw riskju ta’ żgumbrament.



Comments


bottom of page