Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar ir-4 edizzjoni ta’ festival b’mużika tas-snin tmenin u disgħin li se jkun organizzat f’Ħal Kirkop mill-Għaqda Mużikali San Leonardu – Sezzjoni Żgħażagħ. Għal darb’ oħra l-festival se jittella’ b’risq il-Fondazzjoni Inspire.
Waqt it-tnedija, il-Ministru Bonnici tkellem dwar l-importanza ta’ dawn l-avvenimenti li jagħmlu l-kultura aktar aċċessibbli f’pajjiżna. “Grazzi għal organizzazzjonijiet lokali qegħdin inkomplu ninkoraġġixxu aktar parteċipazzjoni u inklussività fis-settur. L-istrateġija tagħna bħala gvern hi niżguraw li nipprovdu kalendarju kulturali rikk lill-komunitajiet tagħna. B’dan il-mod qed inressqu aktar festivals lejn il-lokalitajiet – xi ħaġa li qed issir aktar popolari kull sena – filwaqt li nagħtu s-sapport tagħna għall-avvanz ta’ aktar inizjattivi innovattivi bħal din,” kompla jgħid Owen Bonnici. Ikkonkluda billi rringrazzja l-organizzaturi speċjalment minħabba li se jsir għal kawża ġusta.
Għall-ewwel darba f’Malta se jkunu qed jagħtu spettaklu Andre u Micha li huma tribute band ta’ Modern Talking. Il-band jisimha Modern Talking Reloaded u dawn l-artisti ilhom fix-xena mużikali u fil-fatt diġà kellhom bosta kunċerti madwar id-dinja.
Il-festival se jittella’ fil-21 ta’ Ġunju fi Triq San Benedittu Ħal Kirkop bis-sehem ta’ DJs popolari Maltin, Alex Reflex Grech u Renato Vella li se jkunu qed idoqqu mużika mis-snin tmenin u disgħin rispettivament.
Filwaqt li dan il-festival hu bla ħlas, kull donazzjoni lejn il-Fondazzjoni Inspire hi ferm apprezzata.
Comments