Il-Passaport tal-istudenti ta’ Heritage Malta msaħħaħ bi programm ta’ attivitajiet għas-sajf
Wara r-rispons pożittiv mill-istudenti rigward il-Passaport ta’ Heritage Malta, Heritage Malta u l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali għandhom il-pjaċir iħabbru illi d-domanda għall-passaport tal-kbar hija aktar qawwija.
Infatti, f’inqas minn xahrejn mit-tnedija tal-passaport tal-kbar, Heritage Malta rċeviet 9,687 applikazzjoni. It-tliet kunsilli lokali f’Malta fejn saru l-aktar applikazzjonijiet kienu l-Mosta, Birkirkara u Ħ’Attard, filwaqt li dawk f’Għawdex kienu x-Xagħra, r-Rabat u l-Għasri.
“Dan ir-rispons straordinarju huwa minnu nnifsu xhieda tas-suċċessi tal-istrateġija kulturali tagħna fejn għandu x’jaqsam l-involviment tal-udjenzi. B’dan il-mod, qegħdin noħolqu aktar u aktar inċentivi għan-nies lokali biex japprezzaw il-wirt lokali rikk tagħna kemm minn età żgħira bil-passaport tal-istudenti, kif ukoll lill-anzjani bil-passaport tal-kbar. Bħala gvern aħna mpenjati li nkomplu nżidu l-aċċessibiltà għal avvenimenti u inizjattivi artistiċi u kulturali b’mod li nagħmluhom aktar disponibbli għall-komunità, b’mod li tkun aktar faċli għalihom biex jattendu”, qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
Sa issa, madwar 1,000 anzjan diġà ħadu vantaġġ minn din l-opportunità biex iżuru s-siti ta’ Heritage Malta bla ħlas u kien hemm 500 żagħżugħ li akkumpanjawhom. L-iżjed attrazzjonijiet popolari mal-anzjani kienu l-mużew ġdid tal-arti MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u l-Kmamar Statali tal-Palazz tal-Gran Mastru, li kollha jinsabu l-Belt.
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, is-Sur Mario Cutajar qal li b’inizjattivi bħal dawn tal-passaport, Heritage Malta qed tbiddel il-viżjoni u l-missjoni tagħha minn waħda li tiffukaha fuq il-konservazzjoni tal-patrimonju Malti għal waħda li tiftaħha għall-aċċessibiltà għall-patrimonju tal-poplu. Inizjattivi bħal dawn jiftħu l-bibien beraħ tas-siti storiċi għall-Maltin.
B’dal-mod imma nkunu biss qed inkattru l-kuxjenza u l-apprezzament għal dak kollu li jagħmilna Maltin. Jeħtieġ li inizjattivi bħal dawn ikunu sostnuti b’oħrajn bħal programmi edukattivi usa’ biex iż-żjarat tal-istudenti ma jkunux biss ħarġiet imma esperjenzi. Jeħtieġ ukoll investiment ikbar fis-siti nfushom li jwasslu messaġġ rilevanti u li minnhom infushom jagħtu esperjenza.
Is-Sur Cutajar temm jgħid li l-ħidma mill-qrib mal-kunsilli lokali f’din l-iskema tal-passaport tal-kbar tista’ tkun preludju tajjeb għall-ħidma aktar wiesgħa biex l-għarfien tal-patrimonju jinfirex iktar fost il-popolazzjoni u jagħti ħajja ġdida lill-kollaborazzjoni bejn Heritage Malta u l-kunsilli lokali daqskemm tagħti dimensjoni ġdida lill-Heritage Malta bħala aġenzija tan-nies għan-nies.
Dawk l-anzjani li jixtiequ jirċievu l-passaport tal-kbar ta’ Heritage Malta huma mistiedna li jżuru l-kunsill lokali tagħhom u jieħdu magħhom il-karta tal-identità. L-impjegati tal-kunsill lokali jinkluduhom fis-sistema, imbagħad l-anzjani jirċievu l-passaport flimkien ma’ fuljett ta’ informazzjoni d-dar mingħand Heritage Malta.
B’dan il-passaport, l-anzjani għandhom aċċess bla ħlas u bla limitu għall-attrazzjonijiet kollha ta’ Heritage Malta (ħlief is-siti magħluqa u l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni). Barra minn hekk, għal dawn iż-żjarat, kull anzjan jista’ jagħżel li jiġi akkumpanjat minn żagħżugħ jew tnejn li wkoll ikollhom aċċess bla ħlas.
Waqt kull żjara fl-attrazzjonijiet ta’ Heritage Malta, is-sid tal-passaport tal-kbar għandu jara li l-passaport jiġi ttimbrat. Ma’ kull 8 timbri miġbura, is-sid jirċievi premju mingħand Heritage Malta, sa massimu ta’ tliet premijiet.
F’Awwissu, hekk kif jgħaddu 100 jum mit-tnedija tal-passaport tal-kbar, Heritage Malta u l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali se jkunu qed iħabbru t-tliet irħula/ibliet f’Malta u Għawdex li rċevew l-ogħla għadd ta’ applikazzjonijiet.
Sadanittant, Heritage Malta qegħda ssaħħaħ il-passaport tal-istudenti b’aktar opportunitajiet waqt dawn il-vaganzi tas-sajf. Minn Lulju sa Settembru, l-istudenti mill-età ta’ 5 sa 15 il-sena jistgħu jagħżlu li jattendu numru ta’ attivitajiet li jinkludu tpinġija, tpinġija tal-comics, kitba kreattiva bl-Ingliż u qari tal-istejjer.
Se tkun qiegħda ssir donazzjoni ta’ €5 għall-attendenza f’kull attività. Madanakollu, dawk l-istudenti li diġà għandhom il-passaport ta’ Heritage Malta ttimbrat kollu jistgħu jattendu għal dawn l-attivitajiet bla ħlas. Il-biljetti jistgħu jinxtraw mis-siti u l-mużewijiet kollha ta’ Heritage Malta. Huwa neċessarju li wieħed jippreżenta l-passaport sabiex ikun jista’ jakkwista l-biljetti. L-ewwel attività se tibda s-Sibt, 13 ta’ Lulju.
Għal aktar informazzjoni, żur is-sit www.heritagemalta.org/passport jew ċempel 2295 4300.
Comments