top of page

Abbozz ta’ Liġi sabiex żgħażagħ taħt it-18-il sena jkunu jistgħu jokkupaw ir-rwol ta' Sindku

Jiġi ppubblikat Abbozz ta’ Liġi sabiex żgħażagħ taħt it-18-il sena jkunu jistgħu jokkupaw ir-rwol ta’ Sindku jew Viċi-Sindku



Malta ser tkun l-ewwel pajjiż fl-UE fejn persuna ta’ sittax-il sena tista’ tiġi eletta Sindku


F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli ppreżentaw abbozz ta’ liġi li jipprovdi emendi fl-Att dwar il-Gvern Lokali sabiex żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena jkunu jistgħu jokkupaw ir-rwol ta’ Sindku jew Viċi-Sindku jekk jiksbu l-fiduċja tal-elettorat.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li bis-saħħa ta’ dawn l-emendi, Malta se tkun għalhekk l-ewwel pajjiż li se ddaħħal din ir-riforma. Huwa spjega kif din l-emenda ser tippermetti għalhekk żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena li jikkontestaw u jiġu eletti fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u li jiksbu l-ammont rikjest ta’ voti, jassumu l-irwol ta’ Sindku jew Viċi-sindku.

Fl-Unjoni Ewropea, l-Awstrija hi l-uniku pajjiż ieħor fejn persuna ta’ sittax-il sena tista’ tivvota fl-Elezzjonijiet Lokali iżda ma tistax tikkontesta bħala kandidat. Malta, għalhekk, hi l-ewwel pajjiż fl-UE fejn persuna ta’ 16-il sena tista’ tivvota, toħroġ għall-Elezzjonijiet Lokali u għall-ewwel darba issa jekk din il-persuna ġġib l-akbar ammont ta’ voti mill-Partit li jġib il-maġġoranza tal-voti, tkun eletta wkoll Sindku.

“Aħna konna wegħidna fil-Manifest Elettorali li nwettqu din il-bidla leġislattiva. Bis-saħħa ta’ dawn l-emendi, il-Gvern se jkun qed iżomm kelmtu u dak li wegħidna u semmejna anke fl-Istrateġija Nazzjonali tal-Gvern Lokali 2023-2030, li ġiet imnedija f’Mejju li għadda, se nkunu qed inwettquh,” tenna l-Ministru Bonnici.

Il-Ministru Bonnici kompla li dan huwa vot ta’ fiduċja b’saħħtu fiż-żgħażagħ u se jkompli jibni fuq ir-riformi importanti li diġà twettqu matul is-snin, fejn semma, fost oħrajn, id-dritt tal-vot lil żgħażagħ ta’ 16-il sena u d-dritt li żgħażagħ taħt it-18-il sena jikkontestaw għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. “Dan kollu qed nagħmluh għax għandna fiduċja kbira fiż-żgħażagħ tagħna u fir-rwol attiv li jrid ikollhom fit-tħaddim tad-demokrazija tagħna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli spjegat li fil-ġimgħat li ġejjin se jiskatta proċess ta’ diskussjoni mal-imsieħba ewlenin tal-Gvern Lokali bil-għan li jkun hemm programmi ta’ mentoring sabiex kull min jiġi elett biex iservi fil-Kunsilli Lokali ikun konxju tal-obbligi u d-dmirijiet li jkun daħal għalihom, irrispettivament mill-età.

“Dan il-Gvern minn dejjem kellu fiduċja kbira fiż-żgħażagħ u permezz ta’ din il-bidla leġislattiva fil-qasam tal-Gvern Lokali ser ikompli jsostni u jsaħħaħ dik il-fiduċja għaliex jemmen fil-potenzjal u l-enerġija li jistgħu joffru, irrispettivament mill-età,” saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Hija għamlet referenza ukoll għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali skedati għas-sena d-dieħla fejn ħeġġet aktar żgħażagħ sabiex jikkontestaw u jkomplu jagħmlu d-differenza fis-soċjetà u l-kommunitajiet fejn jgħixu.

Dan l-abbozz ser ikun qed jipprovdi wkoll, fost emendi konsegwenzjali oħra, li Sindku jew Viċi-Sindku bejn is-16 u t-18-il sena jkun jista’ jwettaq atti tal-ħajja ċivili meta jkun qed jidher fuq dak l-att fil-vesti ta’ Sindku jew Viċi Sindku.








Commentaires


bottom of page